PROĠETT B’ FONDI EWROPEJ FIL-BUSKETT LI SER ISEBBAĦ L-AMBJENT U JINDIRIZZA T-TIBDIL TAL-KLIMA
Dalgħodu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat ħabbar dettalji dwar proġett fil-Buskett b’fondi Ewropej ta’ ftit anqas minn €3miljun taħt il-programm EU ENVIRONMENT LIFE li għandu jwassal sas-sena 2018 dwar it-tiswija, restawr u bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjiegħ li jipprovdi għall-ilqugħ aħjar tal-ilma flimkien mal- istabilizzazzjoni tal-ħamrija u l-ħarsien tal-fawna fis-sit Natura 2000, Buskett-Girgenti.
Huwa qal li dan ser isebbaħ u jsaħħaħ l-ambjent u anki jindirizza t-tibdil tal-klima.
Il-Ministru Brincat qal li meta wieħed iqis li wieħed mill-effetti negattivi tat-tibdil tal-klima fil-Mediterran huwa t-tnaqqis u l-irregolarià fix-xita li tinżel, dan inaqqas l-ilma meħtieġ sabiex isostni l-flora u l-fawna indirizzati minn dan il-proġett.
Għaldaqstant għandu jsir kull sforz biex tittieħed kull azzjoni biex isir użu massimu mill-ilma permezz ta’ azzjonijiet maħsuba biex jirrestawraw u jħarsu l-funzjoni tat-tmexxija tal-ilma tul il-mgħodija tiegħu.
Min-naħa l-oħra meta jkun hemm xita li tinżel qliel din tikkawża saħansitra aktar ħsara fil-medded tal-art, li tista tiġi indirizzata biss jekk jissewwew l-istrutturi tal-ilqugħ, bħalma huma l-ħitan tas-sejjiegħ.
Għaldaqstant it-tiswija, restawr u bini mill-ġdid ta’ dawn il-ħitan ta’ lqugħ hija azzjoni pożittiva biex tilqa’ għat-tibdil tal-klima.
Il-Ministru Brincat semma kif anki li kieku ma kinitx teżisti l-problema tat-tibdil tal-klima, dan is-sit fl-istat preżenti tiegħu jibqa’ wieħed vulnerabbli għal ċerti kundizzjonijiet fil-klima.
Hija ħaġa naturali kif hekk kif jeħżienu il-kundizzjonijiet tal-klima aktar tikber il-vulnerabbilità ta’ siti bħal dawn.
Il-Ministru Brincat qal li spiss nitkellmu dwar il-ħtieġa li nnaqqsu l-emissjonijiet sabiex nikkumbattu t-tibdil klimatiku.
Minkejja dan ma nistgħux ninsew ir-rwol importanti li għandhom is-siġar u l-foresti fuq il-klima u għaldaqstant il-ħtieġa li nħarsuhom.
Il-Ministru Brincat semma’ li pajjiżna huwa żgħir u ovvjament ma nsibux meded ma jispiċċaw qatt ta' foresti kif insibu fi bnadi oħrajn madwar id-dinja. Minkejja dan iċ-ċokon għandna l-obbligu daqs ħaddieħor li nħarsu u nipproteġu l-ftit li għandna bħal ma huwa post bħal dan, li wara kollox għandu wkoll importanza partikolari anke fil-kuntest tal-ħarsien tal-biodiversita'.
Il-Ministru saħaq li dan il-Gvern huwa kommess jieħu ħsieb inħawi bħal dawn, mhux l-inqas il-Buskett bħala sit uniku f'pajjiżna, fl-aħjar interess tal-ambjent naturali ta' pajjiżna kif ukoll fid-dawl tas-sinjifikat li għandhom is-siġar fil-kuntest tal-isforz globali li qed isir fil-konfront tal-fenomenu tat-tibdil klimatiku.
Il-Ministru Brincat tenna li l-Gvern Malti japprezza l-fatt li f’dawn iż-żminijiet anki Gvernijiet bħal dawk tal-Istati Uniti qegħdin juru għarfien għall-fatt li dewmien biex tittieħed azzjoni kontra t-tibdil tal-klima iġġorr magħha piż qawwi ekonomiku.
Din il-ġimgħa stess il-White House ħabbret li dewmien u tkaxkir tas-saqajn biex tittieħed azzjoni dwar it-tibdil tal-klima tant iġġib magħha piżijiet ġodda, li huwa maħsub li t-telfien ekonomiku minħabba l-impatt tat-tibdil tal-klima fuq medda ta’ għaxar snin jista saħansitra jżid dawn l-economic losses b’madwar 40%.
Il-Ministru saħaq li dan kollu jwassal messaġġ ċar u sempliċi.
Li hemm urġenza kbira ekonomika u mhux biss ambjentali biex il-gassijiet serra jiġu mnaqqsa kemm jista’ jkun malajr.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en