IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS JILQA’ B’ SODISFAZZJON ĊIFRI POŻITTIVI OĦRAJN MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-ISTATISTIKA
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis jilqa’ b’sodisfazzjon iċ-ċifri maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rigward it-turisti li żaru Malta f’Ġunju li għadda. “Xahar wara xahar qegħdin ngawdu minn żieda fit-turisti li qed jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni turistika tagħhom sew għall-btajjel u sew għal skop ta’ xogħol u negozju,” qal il-Ministru.
F’Ġunju li għadda kien hemm żieda ta’ kważi 9% fit-turisti li żaru Malta mqabbel ma’ Ġunju tas-sena l-oħra. Ta’ min jinnota li b’sodisfazzjon kien hemm żieda ta’ 21% ta’ turisti li żaru Malta għal skop ta’ xogħol u negozju meta mqabbel ma’ Ġunju tal-2013.
It-turisti li ġejjin mill-Unjoni Ewropea fix-xahar ta’ Ġunju żdiedu bi kważi 10% filwaqt li dawk ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea żdiedu bi kważi 5% meta mqabbla mal-istess xahar tas-sena l-oħra. Żieda nkoraġġanti ġiet irreġistrata fit-turisti Ġermaniżi li żdiedu bi 12% fuq Ġunju tas-sena l-oħra. Is-suq Franċiż qed ikompli jagħti riżultati pożittivi wkoll b’żieda ta’ aktar minn 14%. Anke t-turisti mir-Russja żdiedu bi kważi 9% filwaqt li dawk Amerikani żdiedu bi 12%.
Bi pjaċir il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis jinnota li f’dan l-istess xahar, ġiet irreġisrata żieda ta’ 16% fit-turisti li ġew Malta aktar minn darba. In-numru ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’Malta f’Ġunju li għadda raw tkabbir ta’ kważi 9%.
Il-Ministru Dr Edward Zammit Lewis juri sodisfazzjon għaċ-ċifri tal-infiq tat-turisti f’Ġunju 2014. Kien hemm tkabbir ta’ 11% fl-infiq meta mqabbel ma’ Ġunju tal-2013. L-akbar ammont ta’ tkabbir sar fl-infiq f’akkomodazzjoni fejn kienet irreġistrata żieda ta’ 20% fuq l-istess xahar tas-sena l-oħra. Fl-ewwel sitt xhur ta’ dis-sena, l-akbar infiq ras għal ras ġie rreġistrat minn turisti Russi, Amerikani, Żvizzeri, Libjani, Belġjani u Ġermaniżi rispettivament.
“Dawn iċ-ċifri pożittivi rreġistrati xahar wara xahar qed jkomplu jaffermaw il-ħidma tal-Gvern biex it-turiżmu ma jikbirx biss fil-kwantità ta’ turisti iżda wkoll fl-infiq tagħhom li jwassal għal aktar tkabbir fl-ekonomija u fl-impjiegi,” żied jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis irringrazzja lis-settur privat kollu għax-xogħol tiegħu li kien kruċjali sabiex intlaħqu dawn ir-riżultati.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en