IMNEDIJA KAMPANJA NAZZJONALI KONTRA R-RIMI TAL-ISKART F’PAJJIŻNA
Illum ġiet imnedija kampanja nazzjonali kontra r-rimi tal-iskart f’pajjiżna, li hija l-qofol ta’ ħafna xogħol li sar diġà matul ix-xhur li għaddew bejn il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u l-Ministeru għat-Turiżmu.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Joe Mizzi fakkar li ftit tal-ġranet biss wara li nbidlet l-amministrazzjoni, il-Prim Ministru ddikjara li mhux kuntent bil-livell ta’ ndafa ta’ pajjiżna, għalhekk, uffiċjali fil-Ministeru bdew eżerċizzju ta’ fejn hemm bżonn jiżdiedu l-frekwenzi ta’ tindif ma’ dak li diġà jsir mill-Kunsilli Lokali u wara li ġew identifikati dawn iż-żoni, saret konsultazzjoni wiesgħa mal-Ministeru għat-Turiżmu.
Inħassset il-ħtieġa li jitwaqqaf National Tourism Zones Action Committee, fejn permezz ta’ rappreżentanza minn dawn iż-żewġ Ministeri u Ministeri oħrajn, sar xogħol enormi f’dak li jirrigwarda l-bżonnijiet ta’ dawn iż-żoni. Fil-fatt, il-proġett ta’ tindif fiż-żoni turistiċi ra l-bidu tiegħu wara l-istaġun tas-Sajf tas-sena 2013, proġett li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-Kunsilli Lokali. Il-lokalitjiet ivarjaw miċ-Ċirkewwa sa Wied iż-Żurrieq u jinkludu l-Għadira, San Pawl il-Baħar, Buġibba u Qawra, Paceville, San Ġiljan, tas-Sliema, il-Gżira, Ta’ Xbiex, il-Belt Valletta, l-Imdina u r-Rabat, kif ukoll iż-żoni kollha tal-Kottonera, Marsaxlokk, Birżebbuġa u Wied il-Għajn.
Hemm diversi frekwenzi ta’ tindif bil-ħinijiet ivarjaw skont l-esiġenzi tal-lokalitajiet. Biex id-domanda tkun tista’ tintlaħaq, ġie deċiż li jiżdied in-numru ta’ ħaddiema fi ħdan id-Direttorat għat-Tindif b’70 ħaddiem ġdid. Barra minn hekk, sar ukoll investiment ta’ 300,000 ewro f’xiri ta’ makkinarju.
Il-Ministru Joe Mizzi rringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol kollu li jagħmlu, li sfortunatament mhux kulħadd japprezza li dawn il-ħaddiema tat-tindif jaraw minn kull tip ta’ skart quddiem wiċċhom u mhux faċli li wieħed iwettaq dan ix-xogħol.
Huwa ħabbar li d-Direttorat tat-Tindif ħaseb ukoll biex ibiddel il-kontenituri tal-iskart f’dawn iż-żoni ma’ kontenituri moderni għaż-żminijiet tal-lum. Għal dan il-għan, sar investiment ta’ madwar 100,000 Ewro f’xiri ta’ kontenituri li se jibdew jitwaħħlu fil-jiem li ġejjin. B’kollox se jinxtraw ’il fuq minn 500 kontenitur ġdid.
Il-qofol ta’ dan l-investiment li għamel il-Gvern Ċentrali hija kampanja nazzjonali.- Għalfejn tħammeġ pajjiżek? Din it-tema se tkun qiegħda tiġi rreklamata fuq il-vetturi kollha tad-Direttorat għat-Tindif, li se jingħataw dehra ġdida.
Il-Ministru Joe Mizzi ħabbar li fil-futur immedjat, se jkun hemm inizjattivi ġodda ta’ fejn wieħed jista’ jirrapporta rimi ta’ skart u għal dan il-għan, qed jitwaqqaf ukoll ‘centralised call centre’. Dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ freephone 1718 u fil-ġranet li ġejjin, se tkun imnedija websajt apposta.
Minn meta beda jsir dan it-tindif, inġabru 120 tunnellata ta’ skart addizzjonali fi żmien xahar, ma’ dak li jinġabar minn kuntratturi ta’ Kunsilli Lokali.
Sadanittant, il-Ministru ghat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis stqarr li l-Kumitat Nazzjonali għaż-Żoni Turistiċi jiffoka fuq l-oqsma li kienu qed jiġu ppjanati b'mod indipendenti għall-konfini tal-Kunsilli Lokali. Il-manutenzjoni fl-oqsma ewlenin, tindif u ġbir ta' skart qed jiġu prijoritizzati, kompla l-Ministru ghat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis. Għalhekk huwa faħħar l-inizjattiva tal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura li llum qed iniedi kampanja edukattiva fuq bażi nazzjonali li fiha jinkludi programm sħiħ ta’ tindif u ġbir tal-iskart biex b’hekk ikollna pajjiż aktar nadif.
Il-Kumitat Nazzjonali għaż-żoni turistiċi jiġbor fih l-entitajiet l-aktar importanti tal-Gvern, kif ukoll Kunsilli Lokali u s-settur privat li jkopri l-interessi privati u kummerċjali ta’ dik iż-żona turistika partikolari. Dan il-Kumitat Nazzjonali f’dawn l-aħħar xhur iltaqa’ aktar minn qatt qabel ħalli jassigura li pajjiżna jkun jista’ jilqa’ għan-numru rekord ta’ turisti li qegħdin iżuru pajjiżna. “Tajjeb li ngħidu”, żied il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis, “li din is-sena ser jintlaħaq ir-rekord ta’ 1.6 miljun turist u f’Awwissu li ġej biss qegħdin nistennew madwar 220,000. Dan ifisser sfidi infrastrutturali kbar għal pajjiżna li qegħdin nilqgħu għalihom u għaliex ippreparajna ruħna sew għalihom, qegħdin nilqgħu għalihom sew”.
B’hekk qed jiġi żgurat l-effiċjenza u manutenzjoni ta’ żoni pubbliċi f’kull żona. Il-Ministru għat-Turiżmu elenka numru ta’ aspetti dwar il-ħidma ta’ dan il-Kumitat Nazzjonali bħal li tiżgura li l-ġbir ta’ skart, tindif ta' toroq u żoni pubbliċi tissodisfa d-domanda; koordinament u titjib fl-estetika bħal sinjali tat-toroq u dawl adegwati; attivitaijiet u avvenimenti koordinati li jaffetwaw iż-żoni turistiċi; ħidma biex titjib l-aċċessibilità għal siti li huma frekwentati l-iżjed; titjib fl-organizzazzjoni ta’ żoni pubbliċi u faċilitajiet biex itejbu l-immanigjar tal-viżitaturi; taħdem sabiex ittejjeb l-istandards ambjentali u dawk ta’ sikurezza kif ukol tevita l-perikli kollha; ħidma dwar titjib fl-ordni pubblika; ko-ordinament fl-imaniġġjar f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl-imsemmija żoni u barra minn hekk tipproponi u twettaq proġetti fiż-żoni tuistiċi.
Il-Ministru Zammit Lewis tenna li hemm pjanijiet li ser jitħabbru aktar ’il quddiem ħalli dan il-Kumitat Nazzjonali jaħdem b’mod aktar effettiv u effiċjenti u jingħata forma legali li tagħti flessbbiltà lil dan li llum jissejjaħ Kumitat Nazzjonali ħalli jkun jista’ jieħu ċertu inizjattivi.
Il-Ministru għat-Turiżmu qal li dan kollu jwassal sabiex ittejjeb l-attrazzjoni f’dawn iż-żoni turistiċi u jiġi assigurat li l-Gvern jilħaq l-objettivi ta’ ambjent turistiku sostenibbli li jappoġġja prospetti ta’ tkabbir fl-industrija, kif ukoll jiżgura l-effiċjenza u l-manutenzjoni f’kull żona pubblika.
It-tindif huwa aspett importanti b’mod speċjali f’żoni turistiċi, żied jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis u bl-istess mod il-ġbir ta' skart għandu jkun ta’ importanza. Il-volum kbir ta’ utenti jeħtieġu programm ta' tindif u ġbir tal-iskart, ġbir li jissodisfa d-domanda speċjalment fix-xhur tas-sajf. Dan huwa qasam li verament qiegħed jingħata attenzjoni speċjali.
Dan jindika biċ-ċar l-isforz ta’ dan il-Gvern illi mhux biss iħares lejn in-numru record ta’ turisti li qegħdin jiġu lejn pajjizna iżda ssir dik il-qabza ta’ kwalità f’pajjizna ħa nattiraw turiżmu ta’ aktar kwalità u ndaħħlu mentalità importanti li aħna anke fis-settur turistiku rridu nkunu l-aħjar destinazzjoni Mediterranja li teżisti, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en