INAWGURAT IX-XOGĦOL TA’ TISBIĦ FIL-PJAZZA TAL-QALA
Il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo u s-Sindku tal-Qala l-Perit Clint Camilleri, inawguraw ix-xogħol ta’ tisbiħ li sar fil-pjazza tal-lokalità tal-Qala. Għal dan il-għan, il-Ministeru għal Għawdex alloka s-somma ta’ għoxrin elf Ewro bħala għajnuna lill-Kunsill tal-Qala u lill-komunità tal-Qala biex seta’ jitwettaq dan il-proġett.
Dan huwa proġett li biddel viżibbilment iċ-ċentru ta’ dan ir-raħal, raħal fejn iċ-ċentru tiegħu huwa imfittex mill-Qalin u mill-viżitaturi li jżuru l-lokalità. Il-pjazza tal-lokal hija verament iċ-ċentru tal-kummerċ u fiha jsiru bosta attivitajiet li jinkludu l-Qala International Folk Festival.
Il-Ministeru għal Għawdex laħaq ftehim mal-Kunsill tal-Qala u l-Kurja fejn kien hemm koordinazzjoni waħda biex saru x-xogħlijiet ta’ pavimentar u tisbiħ għall-esiġenzi u l-bżonnijiet tal-komunità. Dan il-progett ġie parzjalment iffinanzjat minn fondi nazzjonali li ngħataw mill-Ministru għal Għawdex, minn fondi tal-Kunsill kif ukoll minn fondi Ewropej. Il-Ministru Refalo elenka li huwa jemmen li s-suċċessi li nkisbu kienu, għadhom u jibqgħu frott il-komunikazzjoni u l-ko-operazzjoni bejn l-istakeholders kollha involuti fis-setturi varji.
Anton Refalo stqarr li t-titjib u tisbiħ tal-ispazji pubbliċi jgħolli l-livell tal-attrazzjoni kemm għal-lokal kif ukoll għall-viżitaturi oħrajn. B’dan il-mod, f’termini soċjali u kummerċjali jgħin ħafna biex jiġi ġġenerat interess lejn din il-parti tal-lokalità. Dan jikkumplimenta wkoll il-viżjoni tal-Gvern li nsaħħu u ntejbu l-istrutturi eżistenti biex nattiraw iktar viżitaturi lejn il-gżira Għawdxija. Qed nħarsu hawnhekk b’mod speċjali lejn it-turiżmu intern.
Il-Ministru għal Għawdex saħaq li Għawdex għandu ekonomija li hija differenti minn ta’ Malta għaliex tiddependi b’mod aktar sħiħ fuq t-turiżmu domestiku u għalhekk huwa importanti li dan is-settur jingħata l-importanza neċessarja. Bħala Ministeru għal Għawdex, il-Ministru qal li għandna nħarsu lejn l-iżvillupp sostennibli tal-gżira, il-kultura u r-riżorsi naturali flimkien mal-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer bħala s-sinergija ideali biex naraw lil Għawdex jagħmel il-qabża tal-kwalità li jmiss.
F’dan l-isfond irridu u qegħdin intejbu l-infrastruttura soċio-ekonomika ta’ Għawdex. Il-Gvern ċentrali u l-entitajiet tiegħu għandhom dejjem ikunu kommessi sabiex jgħinu u jikkollaboraw mal-Kunsilli Lokali biex ikomplu jtejbu l-prodott kulturali, turistiku u ambjentali tal-lokalitajiet tagħna.
Il-Ministru għal Għawdex għalaq billi awgura l-festa t-tajba lill-poplu tal-Qala kollu. Huwa ħeġġeġ lil dawk kolla preżenti biex ikomplu jaħdmu bla heda biex ikompli jittejjeb il-prodott Għawdxi biex jilħaq l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini lokali u barranin.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en