Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS INIEDI WALKING TRAILS ĠODDA U PROĠETT KOMPLUT TA’ TISBIĦ F’MISRAĦ IL-MAQLUBA

pr141710
Date Icon 26/07/2014

‘Inkomplu naħdmu biex niżviluppaw niċċa turistika tal-agro turiżmu f’pajjiżna’

Matul iż-żjara tiegħu f’Misraħ il-Maqluba fil-limiti tal-Qrendi, il-Ministru għat-Turiżmu nieda numru ta’ walking trails ġodda u proġett komplut ta’ tisbiħ fl-imsemmi post li twettqu permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis qal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu wettqet diversi proġetti ta’ tisbiħ li jippromwovu l-wirt rurali ta’ Malta, u dan riżultat tal-proġett bit-titlu MaltaGoesRural iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea. It-tnedija ta’ walking u cycling trails kif ukoll it-tiġdid infrastrutturali bl-għan li jtejjeb l-aċċessibbiltà fiż-żoni semi-rurali, rurali u naturali huma mmirati li jitgawdew mill-abitanti kollha, imma fuq kollox sabiex jersqu aktar turisti fis-shoulder months. ‘L-għan prinċipali huwa li nattiraw aktar turiżmu rurali lejn Malta, skont ix-xejriet tad-domanda tas-suq tal-lum il-ġurnata’, żied jgħid il-Ministru Zammit Lewis.

‘In-niċeċ tat-turiżmu sportivi u rurali huma importanti ħafna fil-prodott turistiku tagħna, settur li rridu nkomplu niżviluppaw kif ukoll nisfruttawh. It-tnedija ta’ diversi walking trails hija turija ċara ta’ dan’, sostna il-Ministru Edward Zammit Lewis. ‘Dan minħabba l-fatt li fix-xhur xitwin ħafna pajjiżi Ewropej ikunu maħkumin minn temperaturi baxxi, filwaqt li l-gżejjer Maltin ikunu qegħdin igawdu sigħat ta’ xemx anke fl-eqqel tax-xitwa u temperaturi iżjed sħan’.

Minn 9 rotot jew walking trails li ġew identifikati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, 6 minnhom ġew mnedija lbieraħ mill-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis. Għal dawn l-imsemmija rotot tħejjew fuljetti apposta li joffru l-possibbiltà lit-turist biex jimxi f’rotta partikolari b’direzzjoni lejn uħud mill-irħula tagħna. B’hekk it-turist għandu l-opportunità jgawdi l-aspett kulturali Malti, u fl-istess ħin jitpaxxa bil-kampanja tal-madwar.  Iċ-ċiklisti wkoll għandhom l-opportunità li jduru f’uħud minn dawn ir-rotot. Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis tenna li l-fuljetti pubblikati huma disponibbli fi tliet lingwi jiġifieri l-Ingliż, il-Ġermaniż u l-Franċiż. Iżda issa bi pjaċir, il-Ministru Zammit Lewis ħabbar li l-MTA rċeviet madwar 21,000 Ewro oħra mill-Fondi Agrikoli Ewropej sabiex dawn id-9 mixjiet ikunu disponibbli bit-Taljan ukoll. B’din l-inizjattiva ser inkunu qed nilħqu suq ieħor ta’ importanza għal pajjiżna, qal il-Ministru Zammit Lewis. 

Il-Ministru għat-Turiżmu sostna li din hija niċċa oħra differenti fil-qasam turistiku fejn il-viżitaturi jistgħu jitqassmu f’postijiet differenti madwar Malta u mhux biss fiż-żoni turistiċi l-aktar popolari. Huwa wera l-apprezzament tiegħu għall-ħidma tal-Kunsill Lokali tal-Qrendi, mhux biss għas-sapport u l-ħidma id f’id mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu matul ix-xhur ta’ xogħlijiet f’dawn il-postijiet, imma għall-proattività tiegħu wkoll. Dr. Edward Zammit Lewis saħaq li l-Kunsill tal-Qrendi ħa l-inizjattiva li japplika u rnexxilu jakkwista aktar minn 400,000 Ewro f’għajnuna taħt l-istess Fond Agrikolu Ewropew sabiex jirranġa t-triq mill-Misraħ il-Maqluba li twassal għat-tempji megalitiċi ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra.  

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis spjega kif din iż-żona, ħdejn id-depressjoni tal-Maqluba (Maqluba doline), tifforma parti min-Natura 2000, żoni ta’ protezzjoni fuq livell internazzjonali. It-tisbiħ u interventi ġew mwettqa bl-ikbar rispett lejn l-ambjent naturali tal-post.  ‘Hija ta’ importanza kbira li nkomplu ninvestu fit-turiżmu rurali fejn jidħlu kreazzjoni ta’ rotot u apprezzament tal-ambjent naturali tagħna.  Dan nagħmluh mhux biss biex ninvestu aktar fis-settur turistiku imma anke għax nemmnu li dan il-wirt għandu jiġi preservat għal ġenerazzjonijiet ġejjiena’. 

Niċċa oħra interessanti hija l-wedding tourism fejn ħafna koppji turisti qegħdin iżuru Malta għall-ġurnata kbira tagħhom kif ukoll għall-qamar il-għasel. Dan il-post huwa ferm ideali għal dan it-tip ta’ okkażjonijiet, qal il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis.

‘Proġetti bħal dawn huma bla dubju essenzjali għal pajjiżna peress li jorbtu siti ta’ interess kulturali mal-qalba tar-raħal u hawnhekk it-turisti jingħataw il-possibbiltà jqattgħu ftit jiem f’ħajja tipika rurali.  Dan il-kummerċ ikompli jikkontribwixxi għal fergħa aktar wiesgħa mid-dħul li jġib miegħu t-turiżmu u dan ikompli jsaħħaħ il-ħidma tal-Gvern sabiex aktar nies igawdu mill-frott li jħalli warajh is-settur turistiku’.

‘Bl-għan li l-prodott turistiku Malti jkun aktar b'saħħtu u kompetittiv ġie mwaqqaf Kumitat Konsultattiv sabiex issir reviżjoni tal-politika għat-turiżmu’, qal il-Ministru għat-Turizmu Edward Zammit Lewis. ‘Dan sabiex inkomplu ntejbu l-prodott ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika kif ukoll insaħħu l-kompetittività. Għalhekk ir-reviżjoni ta’ din il-politika hija importanti ħafna biex inkabbru l-isforzi tagħna u nindirizzaw dawn l-isfidi’. 

F’Malta hawn diversi siti sbieħ bħal dan ta’ Misraħ il-Maqluba fil-Qrendi li hemm bżonn nagħmlu aktar marketing dwarhom barra minn xtutna, niffukaw fuq il-potenzjal tagħhom sabiex b’hekk inkunu qed nisfruttaw din in-niċċa partikolari bl-aqwa mod possibbli. Proġetti bħal dawn huma konformi mal-viżjoni tal-Gvern biex nattiraw iktar turiżmu ta’ kwalità lejn il-gżejjer tagħna’, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow