ĦIDMET IL-MEMBRI PARLAMENTARI EWROPEJ MALTIN DISKUSSA FIL-CORE GROUP TAL-MEUSAC
Illum wara nofsinhar, il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin ingħaqdu mal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fil-Core Group tal-MEUSAC.
Fl-introduzzjoni ta’ din il-laqgħa li ssir kull xahar, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dr Helena Dalli, fissret l-importanza tal-kuntatt kontinwu bejn il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin u l-Core Group, peress li b’hekk ikun hemm il-komunikazzjoni diretta u immedjata mal-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
Il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin preżenti għal din il-laqgħa kienu David Casa, Membru tal-Kumitat dwar l-Impjiegi u Affarijiet Soċjali, Dr Alfred Sant, Membru tal-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji; Marlene Mizzi, Membru tal-Kumitat tas-Suq Intern u Ħarsien tal-Konsumatur u l-Viċi President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet, Dr Therese Comodini Cachia, Membru tal-Kumitat tal-Affarijiet Legali u Dr Miriam Dalli, Membru tal-Kumitat tal-Ambjent, Saħħa Pubblika u Sikurezza tal-Ikel. Dr Roberta Metsola, li ma setgħetx tkun preżenti minħabba li tinsab imsiefra fuq xogħol, hi l-Viċi President tal-Kumitat tal-Petizzjonijiet u Membru tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u l-Intern.
Il-Membri Parlamentari tkellmu dwar id-diversi setturi li jaħdmu fuqhom, speċjalment dawk li jaffettwaw lill-imsieħba soċjali u s-soċjetà. Fost il-punti li tqajmu kien hemm is-suq intern u l-affarijiet tal-konsumaturi, l-impjiegi, l-edukazzjoni, u l-kompetittività. Huma semmew l-irwoli tagħhom fi ħdan is-setturi li jaħdmu fihom u dawk relatati magħhom. Sostnew ukoll li għandu jkun hemm laqgħat kontinwi sabiex ikunu jistgħu jisimgħu l-vuċi tas-soċjetà. Saret diskussjoni dwar kif dan jista’ jseħħ aħjar.
Il-Kap tal-MEUSAC, Dr Vanni Xuereb tkellem dwar l-irwol importanti li għandu l-MEUSAC sabiex jiffaċilità l-komunikazzjoni bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-Membri Parlamentari Ewropej Maltin fost l-oħrajn.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en