MA JISTAX IKUN HEMM KOMPROMESSI FEJN TIDĦOL IS-SAĦĦA TAL-ĦADDIEMA – IL-MINISTRU HELENA DALLI
Fl-aħħar 11-il sena l-OHSA wettqet qrib il-21,000 spezzjoni fuq il-post tax-xogħol u skrutinat aktar minn 45,000 ċertifikat ta’ apparat
Waqt żjara li għamlet fil-bini tal-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli semmiet kif huwa dritt ta’ kull persuna li tkun protetta fuq il-post tax-xogħol.
Hija qalet li anke korriment wieħed fuq il-post tax-xogħol huwa ħafna.
Dr Dalli enfasizzat li fejn tidħol is-saħħa tal-ħaddiema ma jistax ikun hemm kompromessi u ħeġġet biex tingħata l-akbar attenzjoni sabiex ikunu evitati korrimenti u mwiet fuq il-post tax-xogħol.
Il-Ministru Dalli semmiet kif il-perikli għal saħħet il-ħaddiema mhumiex biss f’affarijiet li nistgħu naraw bħal fl-użu tal-krejnijiet u scaffolding, iżda jeżistu perikli mentali li jinvolvu stress u dipressjoni li wkoll jistgħu jgħaddu minnhom il-ħaddiema mingħajr ma jindunaw dawk ta’ madwarhom.
Fi kliem il-Ministru Helena Dalli, l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà ma għandhiex tingħalaq fiha nnifisha imma tkun miftuħa anke għal esperti li mhumiex involuti fi ħdan l-Awtorità.
Fi preżentazzjoni li għamel, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Dr Mark Gauci semma kif fuq perjodu ta’ ħdax-il sena minn kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità sal-2013, twettqu qrib il-21,000 spezzjoni fuq il-post tax-xogħol filwaqt li ġew skrutinati aktar minn 45,000 ċertifikat ta’ apparat. Fl-istess perjodu saru 1,134 prosekuzzjoni fejn inġabru kważi mitejn elf ewro f’multi.
Fi tmiem iż-żjara, il-Ministru Helena Dalli ltaqgħet mat-tmexxija kif ukoll mal-ħaddiema tal-Awtorità.
Preżenti kien hemm iċ-Chairman tal-OHSA Dr Deo Debattista u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru s-Sur Joseph Camilleri.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en