KONFERMA OĦRA TAS-SUĊĊESS TAL-POLITIKA EKONOMIKA TAL-GVERN
Ġunju kien il-ħames xahar konsekuttiv li fih kien hemm tnaqqis fin-numru ta' nies qiegħda. Iċ-ċifri maħruġa llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li mill-aħħar ta' Jannar ta' din is-sena kien hemm tnaqqis ta' 1,038 persuna jirreġistraw, jew 7 persuni anqas kuljum. Dawn ir-riżultati jkomplu jikkonfermaw is-suċċess tal-politika ekonomika tal-Gvern preżenti.
Fi tmiem Ġunju 2014, kien hemm 6,751 persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, jiġifieri tnaqqis ta' 390 persuna li qabel kienu jirreġistraw. Imqabbel mal-istess xahar tas-sena ta' qabel, f’Ġunju li għadda kien hemm tnaqqis ta' 528 persuna, jew 7.3%.
Meta bdiet l-amministrazzjoni preżenti, kien hemm 7,279 persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad. F'sittax-il xahar dan l-ammont naqas bi kważi 550 persuna jew 7%. B’kuntrast, fl-aħħar sittax-il xahar tal-amministrazzjoni preċedenti kien hemm żieda ta' kwazi 690 persuna, jew 10.5%, fuq ir-reġistru tal-qgħad.
Il-bidla pożittiva fir-ritmu ekonomiku qed tinħass sew f'Għawdex fejn, f'Ġunju 2014, in-numru ta' nies qiegħda waqa’ għal 697 persuna. Dan ifisser tnaqqis ta' 8.2% f'dawn l-aħħar ħames xhur.
Filwaqt li l-qgħad naqas f’kull kategorija ta' età, bl-akbar titjib kien fost iż-żgħażagħ, b'tnaqqis fl-aħħar ħames xhur ta' kważi 360 persuna qiegħda fost dawk taħt il-25 sena, jew 28% anqas. Mill-bidu ta' din l-amministrazzjoni, il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas b'322 persuna. B'kuntrast, fl-aħħar sittax-il xahar tal-amministrazzjoni preċedenti kien żdied b'20 persuna.
In-nies qiegħda li għandhom aktar minn 45 sena, is-soltu meqjusa bħala l-aktar kategorija ta’ nies li jsibu diffikultà biex jiksbu impjieg, naqsu b’92 persuna, jew 3%, fl-ewwel sittax-il xahar ta' din l-amministrazzjoni. B'kuntrast, taħt l-amministrazzjoni preċedenti kien hemm żieda ta' 384 persuna, jew 15%.
Anke fost dawk li ilhom jirreġistraw għal aktar minn sena, kategorija oħra żvantaġġata fis-suq tax-xogħol, kien hemm titjib. Minn tmiem Jannar 2014 kien hemm tnaqqis ta' 2%.
Dawn il-figuri jindikaw li r-rata tat-tkabbir fl-impjiegi, li diġà laħqet figuri rekord sa Frar, kompliet tirranka aktar fix-xhur ta' wara u qed tirriżulta fi tnaqqis konsiderevoli fir-rata tal-qgħad f'pajjiżna, li f'dawn l-aħħar xhur saret waħda mill-anqas fil-pajjiżi Ewropej.
Frott il-politika ekonomika intelliġenti, pajjiżna qed ikompli jikseb riżultati impressjonanti li se jixprunaw aktar u aktar ħidma u enerġija mill-Gvern biex il-familji Maltin u Għawdxin jkomplu jirnexxu u jimxu ‘l quddiem.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en