LAQGĦA BILATERALI BEJN IL-PRIM MINISTRU TA' MALTA U L-PRIM MINISTRU TAR-RENJU UNIT
Diskussa s-Sitwazzjoni ta' Sigurtà fil-Libja
Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron iddiskutew kif Malta u r-Renju Unit jistgħu jaħdmu flimkien mal-komunità internazzjonali għal soluzzjoni fil-Libja fl-isfond tat-tħassib serju li huma għandhom dwar is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż.
Il-Prim Ministru f'kummenti lill-media fi tmiem il-laqgħa qal li huwa importanti li wieħed jagħti ċans lid-diplomazija taħdem. Madanakollu jekk hemm bżonn, u fuq talba tal-poplu Libjan, il-Ġnus Magħquda għandha tindaħal biex tgħin lill-poplu Libjan.
Iż-żewġ Prim Ministri ltaqgħu f'laqgħa bilaterali li saret fi Glasgow, l-Iskozja, fl-okkażjoni tal-Logħob tal-pajjiżi tal-Commonwealth u l-Business Council tal-Commonwealth.
Dr Muscat qal li l-komunità internazzjonali, permezz tal-Ġnus Maghquda, trid tkun lesta tieħu pass kuraġġuż biex fi żmien qasir tissaħħaħ is-sigurtà fil-Libja.
Dr Muscat qal li ż-żewġ pajjiżi jemmnu li t-tnejn u sebgħin siegħa li ġejjin huma importanti ħafna għal-Libja fejn se jiltaqa’ l-parlament il-ġdid Libjan biex jaħtar il-mexxejja l-ġodda tiegħu fl-isfond ta’ fazzjonijiet li ma jridux li dan iseħħ.
Meta tkellem mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li huwa kruċjali li l-ġlied bejn in-naħat kollha jiġi kkontrollat biex titwettaq ir-rieda demokratika tal-poplu Libjan.
Il-Prim Ministru qal li r-rwol ta’ Malta u tar-Renju Unit huwa li bħala sħab ta’ min tafda fuqhom b’rieda tajba mal-partijiet kollha involuti jgħinu biex tinstab soluzzjoni għas-sigurtà fil-Libja.
Is-sigurtà fil-Libja, qal il-Prim Ministru, hija kruċjali għal Malta kemm bħala pajjiż ġar tal-Libja, kif ukoll minħabba raġunijiet ta’ investiment, dawk umanitarji u fuq kollox minħabba l-immigrazzjoni illegali.
Il-Prim Ministru fakkar li għadha fis-seħħ ir-riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda li biha kienu saru l-attakki kontra l-Libja fil-bidu tar-rivoluzzjoni u għaldaqstant ma hemmx bżonn riżoluzzjoni oħra.
Fil-qafas ta’ dik ir-riżoluzzjoni, qal Dr Muscat, jista’ jkun hemm modi kif jistgħu jiġu mgħejjuna l-awtoritajiet Libjani biex ikollhom kontroll akbar f’pajjiżhom u sabiex jitneħħew elementi estremisti li qed jheddu lil dan il-pajjiż.
Fil-laqgħa bejn il-Prim Ministru Muscat u l-Prim Ministru Cameron ġew diskussi ukoll ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u r-Renju Unit, dawk kummerċjali u anke s-sitwazzjoni fl-Ukraina.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en