IT-TNEDIJA TAL-PJANTI L-ĠODDA TAĊ-ĊITTADELLA
Waqt żjara li saret fiċ-Ċittadella mill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo u mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej Ian Borg ġew ippreżentati pjanti ġodda tal-entratura taċ-Ċittadella. Dawn issa jinkorporaw fihom il-passaġġ oriġinali li kien iwassal għall-bieb tal-belt li nstab meta kienu qegħdin isiru xogħlijiet ta’ tħammil qrib il-bieb l-antik taċ-Ċittadella. Dan it-tibdil fil-pjanti sar biex dawn is-sejbiet ikunu jistgħu jiġu ppreservati u jitgawdew minn kull min iżur liċ-Ċittadella. L-integrazzjoni ta’ dawn il-fdalijiet storiċi fid-disinn tal-entratura taċ-Ċittadella żgur li se jikkontribwixxu biex il-viżitaturi fiċ-Ċittadella jkollhom esperjenza aktar pożittiva u awtentika ta’ dan il-post storiku.
Il-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Ian Borg setgħu jinnotaw ix-xogħlijiet intensivi li għaddejjin bħalissa fuq partijiet differenti ta’ dan is-sit bħala parti mill-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Masterplan taċ-Ċittadella. Dawn jinkludu xogħlijiet fuq il-ġibjuni tal-ilma li se jinbidlu f’ċentru għall-viżitaturi, l-installazzjoni ta’ servizzi taħt l-art u l-pavimentar tat-triqat taċ-Ċittadella u t-tindif tar-rovini. Tlestew ukoll ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċata tal-kappella storika ta’ San Ġużepp, il-Palazz tal-Isqof Cagliares u l-faċċata tal-Mużew tal-Folklor. Bħalissa qiegħed jiġi konkluż ix-xogħol ta’ restawr fuq il-faċċati tas-Sagristija u tal-Awla Kapitulari.
Il-Ministru Refalo qal li llum “B’sodisfazzjon qed naraw t-tlestija tax-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-parti ta’ isfel tal-faċċata tal-Katidral u qegħdin naraw ukoll ir-riżultat tal-intervent tar-restawr li radd lura d-dehra oriġinali lill-faċċata. Għal bosta snin din kienet mgħottija b’kisja ta’ siment li minbarra li kienet tkerraħ id-dehra tagħha kienet qed jikkawża ħsarat lill-ġebla”. Anton Refalo irringrazzja b’mod partikolari lid-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u Kultura tal-assistenza fir-restawr ta’ din il-faċċata kif ukoll lill-Kapitlu tal-Katidral għall-koperazzjoni sħiħa tiegħu.
Il-Ministru Refalo esprima l-apprezzament tiegħu lill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-UNESCO, lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u lill-MEPA li flimkien ikkollaboraw mill-qrib mal-periti biex dawn ħarġu b’soluzzjonijiet fid-disinn li jagħtu aktar valur lill-proġett billi dawn is-sejbiet ta’ strutturi storiċi se jiġu integrati fil-proġett. Huwa qal li daqstant xogħlijiet differenti f’żona daqstant limitata joħolqu inkonvenjenzi għal dawk li bħalissa jżuru liċ-Ċittadella. Il-Ministru għal Għawdex appella għall-koperazzjoni ta’ kulħadd biex b’hekk ix-xogħlijiet li hemm bżonn isiru jitwettqu fl-iqsar żmien possibbli.
Il-Ministru Refalo għalaq billi rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej Dr Ian Borg tal-koperazzjoni sħiħa u tal-għajnuna tiegħu biex proġetti importanti bħal dan taċ-Ċittadella jiġu mwettqa f’Għawdex.
Il-pjanti l-ġodda taċ-Ċittadella se jkunu esebiti fil-Ministeru għal Għawdex kif ukoll fl-uffiċċju tal-UNESCO fix-Xewkija.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en