JITWAQQAF IL-FORUM NAZZJONALI TAT-TRADE UNIONS
“Illum huwa jum storiku għal pajjiżna li għandu jgħin biex insawru l-għaqda fost il-Maltin u l-Għawdxin”.
Sostniet dan il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca meta fil-preżenza tal-unions, waqqfet il-Forum Nazzjonali tat-Trade Unions.
Dan il-Forum twaqqaf bi sħab bejn din il-Presidenza u ċ-Ċentru għall-Istudju tax-Xogħol fi ħdan l-Università ta’ Malta.
Il-President Coleiro Preca spjegat kif hemm ħafna oqsma fejn it-trade unions għandhom interessi komuni.
Fost il-kwistjonijiet komuni hemm il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, il-qgħad, ix-xogħol prekarju, it-taħriġ u t-tisħiħ fil-professjonalità tal-ħaddiema u l-iżvilupp tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol.
Il-President sostniet li dan kollu jgħaqqad u jisboq iktar minn kull differenza li jista’ jkun hemm bejn il-unions.
Spjegat kif permezz ta’ ħidma flimkien mill-mexxejja tat-trade unions jista’ jinbena qafas ta’ fiduċja bejn il-unions u jitqanqal sens ta’ apprezzament għal xulxin, anki meta ma jaqblux.
Il-President Coleiro Preca qalet li l-idea li jitwaqqaf Forum bi struttura flessibbli u informali waslet wara laqgħa li saret mal-unions, fl-ewwel ta’ Mejju li għadda fil-Palazz ta’ Sant’Anton.
Sostniet li fost l-ewwel ħidmiet ta’ dan il-Forum hemm stħarriġ xjentifiku tal-opinjoni pubblika dwar it-trade unions, seminars edukattivi u kampanja ta’ tagħrif dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Il-President temmet tawgura li permezz ta’ dan il-forum ikun hemm djalogu u qsim ta’ ideat li iwasslu biex naħdmu għall-ġejjieni aħjar għas-soċjetà Maltija.
Fi tmiem it-tnedija r-rappreżentanti tal-unions iffirmaw it-Termini ta' Referenza tal-Forum Nazzjonali tat-Trade Unions kif maqbula mal-unions stess matul dawn l-aħħar ġimgħat.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en