STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI
L-Oppożizzjoni tibqa’ toħroġ bi stqarrijiet negattivi bħal tal-lum għaliex taf li l-poplu qed japprezza l-impenn kbir li qed juri dan il-Gvern fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Taħt amministrazzjonijiet preċedenti, minkejja li l-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni kienet ilha tezisti mill-1988, ma jirriżultax illi kien hemm imqar każ wieħed fejn il-Pulizija ressqet lil xi ħadd il-Qorti abbażi ta’ rapport tal-istess Kummissjoni. Ma jista’ qatt ikun hemm paragun bejn il-letarġija li kien hemm f’25 sena ta’ Gvern preċedenti u l-enerġija ta’ dan il-Gvern li, f’temp ta’ ftit xhur, wettaq riformi importanti u radikali favur il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Bla telf ta’ żmien, dan il-Gvern mexxa ‘l quddiem tliet liġijiet li baqgħu fuq l-ixkaffa għal kwart ta’ seklu u li għandhom l-għan li jdaħħlu l-indafa fil-politika: il-liġi li tneħħi l-preskrizzjoni marbuta ma’ reati ta’ korruzzjoni magħmula mill-politiċi, il-Whistleblower’s Act u l-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti.
Ma’ dawn trid issir referenza għal inċentivi kbar li ngħataw lil min ried jikxef il-ħażin fil-kamp penali bl-emendi li saru fil-kodiċi kriminali għal dan il-għan. U kif diġà tħabbar fil-Parlament, il-Gvern se jkun qiegħed ukoll qed jappunta l-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni b’mod li l-poplu ikollu għadd ta’ għodod ġodda bla preċedent biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni.
Intant, kull min jaf b’xi każ ta’ korruzzjoni għandu l-obbligu li jirrikorri għand il-pulizija u/jew għand il-maġistrat inkwerenti sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en