JITLESTA L-PROĠETT FUQ L-IRDUMIJIET TA’ ĦAD-DINGLI
Il-proġett fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, implimentat mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej, Ian Borg tlesta u jista’ jibda jitgawda mill-pubbliku.
L-iskop ta’ dan il-proġett huwa li tinħoloq bħal mixja maġenb l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli, bl-iskop li dawn l-inħawi jibdew joffru ambjent isbaħ b’inqas periklu. Il-proġett jikkonsisti fil-bini ta’ bankina b’tul ta’ madwar 2 kilometri mat-triq, b’wisa ta’ madwar metru u nofs, biex il-pubbliku, kif ukoll persuni li għandhom diżabbiltà, ikollhom aċċessibbiltà aħjar għall-veduti ta’ dawn l-inħawi u b’hekk ikun ukoll ta’ attrazzjoni ġdida għat-turisti.
Il-proġett kien jinkludi wkoll ir-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ, li sar b’tali mod li ġie rispettat il-karattru ta’ dan is-sit. Ix-xogħlijiet ma kinux faċli peress li kien hemm ċerti diffikultajiet f’żoni partikolari fejn il-wisa’ tat-triq kien dejjaq wisq biex jippermetti li tgħaddi l-bankina. Dan fid-dawl tal-fatt li l-proġett sar bl-iskop li l-mixja tkun waħda sħiħa għat-tul kollu tal-bankina. L-uniku soluzzjoni kienet li l-proġett jibqa’ għaddej minn fuq ix-xagħri, xi ħaġa li qatt ma setgħet issir minħabba din hija żona speċjali ta’ konservazzjoni u protetta. Għaldaqstant, parti mill-bankina kellha titla’ ’l fuq b’mod li ma tħallix impatt fuq l-ambjent naturali tal-madwar.
Il-Ministru Joe Mizzi rringrazzja lill-ħaddiema kollha li ħadmu fuq dan il-proġett, speċjalment lill-project leader u l-periti kif ukoll lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet li ssorvelja l-proġett.
Il-Ministru qal li dan il-Gvern qed iħares ’il quddiem lejn aktar proġetti li minnhom igawdu l-poplu Malti. Huwa qal li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed iħabbar il-bidu ta’ proġett ieħor fin-Nofsinhar ta’ Malta, filwaqt li lejn l-aħħar ta’ dan is-Sajf, se nkunu qed naraw iżjed proġetti jaslu fit-tlestija tagħhom, fosthom il-proġett ta’ Bormla, il-bini tal-Parlament il-ġdid u l-proġett ta’ Sant Jiermu.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg tkellem dwar kif il-Fond ghall-Iżvilupp Rurali qed ikun importanti sabiex nesponu ż-żoni rurali mill-isbaħ għal dawk kollha li jżuruna kif ukoll il-Maltin li jogħġobom jirrikrejaw rwieħom fil-kampanja Maltija.
Dr Borg semma kif bħalissa l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej qed jallokka fondi li rriżultaw minn tfaddil tal-programm sabiex fost l-oħrajn jagħmel aktar trejqiet aċċessibbli fl-irħula rurali, u dan ikun ta' benefiċċju wkoll ghal bdiewa u r-raħħala li jagħmlu użu minnhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en