IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA JUSTYNE CARUANA TINDIRIZZA PROGRAMM TA’ TAĦRIĠ FUQ ID-DIMENSJA LILL-UFFIĊJALI TAĊ-ĊENTRI TA’ MATUL IL-JUM GĦALL-ANZJANI
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana indirizzat programm ta’ taħriġ fuq id-Dimensja organizzat mis-Segretarjat Parlamentari stess bħala parti mill-pjan u strateġija Nazzjonali tal-Gvern dwar id-Dimensja. Is-Segretarju Parlamentari qalet li bħal bqija tal-pajjizi żviluppati u dawk li għadhom qed jiżviluppaw, f’Malta, il-popolazzjoni tal-anzjani qed tiżdied. Filfatt, bħalissa kwart tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna huma persuni anzjani. Dan il-fatt ser iġib miegħu konsegwenzi soċjali kif ukoll ekonomiċi li għandna nindirizzaw b’mod urġenti minħabba li iktar nies ser jirrikorru għas-servizzi tas-saħħa u dawk soċjali. Dan jgħodd ukoll għan-numru tan-nies bid-dimensja li wkoll ser jikber bir-riżultat li aktar familjari ser ikollhom jipprovdu għajnuna informali. Sas-sena d-dieħla (2015), in-numru ta’ nies bid-dimensja ser jaqbeż is-6,000 u huwa mistenni li sas-sena 2038, in-numru ta’ persuni li ser ikunu qed isofru mid-dimensja ser ikun qed jiżdied għal madwar 14,000.
Minħabba din l-isfida, il-Gvern Malti, permezz tas-Segratarjat Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità ħadem fuq pjan nazzjonali sabiex jaffaċċja l-aspetti varji tad-dimensja fosthom li jżid għarfien, taħrig u proviżjoni ta’ servizzi bl-għan li jtejjeb il-kwalità ta’ ħajja tal-individwi bid-dimensja, ta’ dawk li jieħdu ħsiebhom kif ukoll tal-membri familjari tagħhom. Għalkemm dan il-pjan għadu ma ġiex ippublikat għax għadu fil-fażi ta’ konsultazzjoni, bosta inizjattivi qegħdin jittieħdu li jinkludu l-formazzjoni ta’ tim t’azzjoni tad-dimensja multi-dixxiplinarju li ser jghin lin-nies bid-dimensja fil-komunità. Ġew ukoll preparati leaflets ta’ informazzjoni sabiex titqajjem kuxjenza fost il-Maltin kif ukoll jipprovdu għajnuna lil min jieħu ħsieb sabiex jagħtu servizz aħjar fid-dar.
Is-Segratarju Parlamentari Dr Justyne Caruana qalet li s-sostenn tas-soċjetà huwa ferm importanti meta nikkunsidraw li l-maggoranza tal-individwi bid-dimensja jgħixu fil-komunità u jixtiequ jibqgħu sakemm hu possibli. Aspett importanti ieħor huwa l-iżvilupp fix-xogħol tal-ħaddiema. Bħalissa hemm nuqqas ta’ taħriġ ta’ livell għoli f’dan il-qasam, li qiegħed jirrifletti negattivament fuq il-proviżjoni tal-kura. Għalhekk ser isiru seniela ta’ korsijiet u dan tal-lum kien l-ewwel fost is-sensiela.
Dan il-kors ta’ taħriġ fid-dimensja, flimkien ma kors ieħor li sar fil-ġranet li għaddew fil-ġerontoloġija u l-ġerjatrija, juri kif is-Segretarjat għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva huwa impenjat li jagħti sehmu sabiex ikollna aktar għarfien aġġornat u adatt dwar settur tal-popolazzjoni li dejjem qed jikber u bi problemi partikolari bħad-dimensja.
Is-Segretarju Parlamentari rringrazzjat lill-uffiċjali li attendew għal dan il-kors u sostniet li għad hemm proġetti kbar pjanati għaċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum fil-lokalitajiet u fil-qasam tal-kura tal-anzjani fil-komunità. Fl-aħħar tal-kors, Dr Caruana ppreżentat ukoll ċertifikati lil kull min ħa sehem f’dan il-programm ta’ taħriġ.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en