STENNEJNA WISQ BIEX NILLEĠIŻLAW GĦAL AKTAR UGWALJANZA FOST IL-FAMILJI – MINISTRU HELENA DALLI
Il-Gvern illeġiżla b’umiltà favur persuni LGBTI
Meta kienet qed tindirizza konferenza mtella’ mill-Malta Gay Rights Movement, il-Fondazzjoni Aditus u l-Università ta’ Malta dwar Perspettivi ta’ Familji LGBTI fl-okkażjoni tal-Pride Week, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar il-liġi tal-unjoni ċivili li l-Parlament approva f’April li għadda.
Dr Dalli semmiet kif din il-liġi pprovdiet drittijiet ugwali għall-persuni li jixtiequ jidħlu f’unjoni ċivili rrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tal-persuna, kif ukoll ir-rikonoxximent tat-tieni ġenitur f’każ ta’ adozzjoni minn koppji tal-istess sess. Il-liġi tirrikonoxxi wkoll żwiġijiet barranin u unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess.
Il-Ministru Dalli esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-appoġġ li sabet mill-Kabinett tal-Ministri u mill-Grupp Parlamentari Laburista tul il-kors tad-diskussjoni u l-approvazzjoni tal-liġi dwar l-unjoni ċivili, b’mod partikolari fl-isfond tal-oppożizzjoni li l-liġi kellha mill-Oppożizzjoni.
Semmiet kif il-Gvern illeġiżla b’umiltà fl-isfond ta’ snin twal ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza għal persuni LGBTI li pajjiżna ppermetta.
Dr Dalli fissret kif wara laqgħat li kellha ma’ ġenituri tal-istess sess tul il-perjodu li l-Parlament kien qed jiddiskuti din il-liġi, setgħet tifhem aħjar id-diversità li teżisti fost familji LGBTI, kif ukoll l-impatt negattiv ta’ kuljum li n-nuqqas ta’ ugwaljanza tħalli fuqhom.
Semmiet kif dawn l-esperjenzi ħolqu biża’ fost dawn il-familji dwar il-futur tagħhom, fosthom dwar intoppi legali li setgħu jinħolqu ’l quddiem fin-nuqqas ta’ wieħed jew waħda mis-sieħba u nuqqas ta’ rikonoxximent tas-sieħeb/sieħba meta l-parti l-oħra tkun rikoverata l-isptar fit-tul.
Il-Ministru Helena Dalli enfasizzat li kien ikun aġir irresponsabli min-naħa tal-Gvern li kieku għażel li jħalli kollox kif kien u jċaħħad futur aħjar lil bosta tfal li preżentament diġà jgħixu f’familji LGBTI.
“Inħares ’il quddiem lejn dik il-ġurnata fejn ilkoll inħarsu lejn l-orjentazzjoni sesswali bħala stat ta’ fatt, fejn ma jkollniex għalfejn norganizzaw konferenzi ta’ din ix-xorta, biex minflok niddiskutu l-familji skont id-diversità tagħhom” tenniet il-Ministru Dalli.
Hija temmet billi rringrazzjat lill-Malta Gay Rights Movement u lill-Fondazzjoni Aditus għax-xogħol siewi li wettqu f’dawn l-aħħar snin sabiex persuni LGBTI setgħu finalment jiksbu d-drittijijet tagħhom.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Professur Angela Abela, mill-Professur Susan Golombok li tkellmet dwar l-istudji li għamlet dwar it-trobbija tat-tfal minn persuni gay, u mill-Fakultà tas-Social Wellbeing tal-Università ta’ Malta.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en