DALWAQT SE JITĦABBAR PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI DWAR IL-POLITIKA MARITTIMA
Meta dalgħodu kien qed jiltaqa’ man-National Integrated Maritime Strategy Committee, is-Segretarju Parlamentari José Herrera ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jniedi proċess sħiħ ta’ konsultazzjoni pubblika li għandu jwassal għal pjan ta’ politika integrali fuq il-marittimu. Huwa qal li din il-politika se tippromwovi l-opportunitajiet li hemm f’dan il-qasam biex tisaħħaħ il-blue economy b’enfasi partikolari fuq il-blue growth kif stabbilità mill-Unjoni Ewropea. Il-kumitat li ltaqa’ miegħu filgħodu se jkollu rwol attiv f’dan il-proċess, għaliex se jkun mitlub janalizza l-progress li jkun qed isir, fl-istess ħin iressaq inizjattivi li qed jiġu kkunsidrati mid-dipartimenti u l-entitajiet bil-għan li dan il-pajjiż ikollu soluzzjoni integrata fejn jidħol il-marittimu.
Dan il-kumitat kien twaqqaf b’mandat speċjali biex iħares, jevalwa u jiżviluppa l-implimentazzjoni tal-proċess għall-integrazzjoni marittima. L-integrazzjoni tal-politika marbuta mal-marittimu, qal Dr Herrera, trid tinkludi leġiżlazzjoni ġdida dwar il-continental shelf, l-istrateġija marbuta mas-sigurtà fil-marittimu, pjan u inizjattivi marbuta mal-industrija tas-sajd, faċilitajiet marbuta mal-industrija tal-yachts, riklamazzjoni tal-art fil-baħar u l-hub marittimu.
Dawn l-oqsma varji marbuta mal-marittimu juru l-importanza li għandu dan is-settur kif ukoll il-ħtieġa li b’mod ikkoordinat jiġu mmexxija ’l quddiem ħalli mill-opportunitajiet u r-responsabiltajiet li jipprovdi dan il-qasam ikollna suċċess ekonomiku mistħoqq b’mod sostennibli.
Dr Herrera qal li fuq livell Ewropew il-politika integrali marbuta mal-marittimu kienet twaqqfet fl-2007 u ġiet varata minn dak iż-żmien il-Kummissarju Malti Joe Borg.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en