L-EŻAMIJIET TAL-BENĊMARK GĦAL DIN IS-SENA
L-eżamijiet tal-Benċmark din is-sena saru fl-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju. Dawn saru f’62 skola Primarja tal-Istat, 21 skola Primarja tal-Knisja u 7 skejjel Primarji Indipendenti. Fosthom kien hemm tliet skejjel tal-Knisja li kellhom klassijiet tas-sitt sena tal-Primarja għall-ewwel darba li pparteċipaw fil-Benċmark ta’ din is-sena. Kien hemm 1729 tifel (46%) u 2004 tifla (54%), b’total ta’ 3733 student u studenta li daħlu għal din l-esperjenza. Dan in-numru jirrappreżenta 93% tal-istudenti kollha li setgħu jagħmlu l-Benċmark.
L-assessjar sar fil-Malti, fl-Ingliż u fil-Matematika.
Fil-Malti l-istudenti kellhom sessjoni ta’ Taħdit (20 marka), sessjoni ta’ Fehim mis-Smigħ (20 marka), sessjoni ta’ Fehim mill-Qari (30 marka) u sessjoni ta’ Kitba (30 marka). Il-marka medjana nazzjonali f’kull taqsima kienet: 17 fit-Taħdit, 18 fis-Smigħ, 24 fil-Qari u 20 fil-Kitba. Il-marka medjana nazzjonali globali fil-Malti kienet 79.
Fl-Ingliż it-taqsimiet kienu l-istess bħal dawk fil-Malti. Fit-Taħdit il-marka medjana nazzjonali kienet 17, fil-Fehim mis-Smigħ 17, fil-Fehim mill-Qari 22 u fil-Kitba 17. Il-marka medjana nazzjonali globali fl-Ingliż kienet 73.
Fil-Matematika kien hemm żewġ taqsimiet: il-karta Mentali (20 marka) u l-karta tal-Kitba (80 marka). Il-marka medjana tal-karta Mentali kienet 16 u dik tal-karta tal-Kitba kienet 54. Il-marka medjana nazzjonali globali fil-Matematika kienet 70.
Dawn iċ-ċifri juru li nofs l-istudenti li għamlu l-eżerċizzju tal- Benċmark kisbu 79 marka jew aktar fil-Malti, 73 marka jew aktar fl-Ingliż u 70 marka jew aktar fil-Matematika.
Kull karta tal-Benċmark ġiet immarkata minn żewġ markaturi mingħajr ma nkiteb xejn fuq l-iskritt biex ma jinfluwenzawx lil xulxin. Dan l-eżerċizzju sar minn 112-il markatur: 44 għall-karti tal-Malti, 40 għall-karti tal-Ingliż u 28 għall-Matematika.
Ir-riżultati miksuba mill-istudenti ntbagħtu lill-iskejjel fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u lill-istudenti ntbagħtulhom fis-7 ta’ Lulju 2014. Fihom kien hemm indikata l-marka miksuba minn kull tifel u tifla f’kull taqsima tat-tliet suġġetti li fihom it-tfal kienu assessjati fil- Benċmark. Kien hemm indikat ukoll il-marka medjana nazzjonali għal kull taqsima tat-tliet suġġetti. B’hekk il-ġenituri setgħu jiġġudikaw huma stess kif marru wliedhom f’kull suġġett u kif jipparagunaw mal-marka medjana nazzjonali.
Matul din is-sena saru diversi laqgħat ta’ informazzjoni u diskussjoni dwar il-Benċmark mal-ġenituri, l-għalliema u mal-kapijiet tal-iskejjel, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Il-karti tal-Benċmark 2014 se jkunu jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku
http://www.curriculum.gov.mt taħt it-taqsima Examinations and Benchmark.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en