Left arrow Go Back

L-EŻAMIJIET TAL-BENĊMARK GĦAL DIN IS-SENA

pr141630mt
Date Icon 17/07/2014

L-eżamijiet tal-Benċmark din is-sena saru fl-aħħar ta’ Mejju u l-bidu ta’ Ġunju.  Dawn saru f’62 skola Primarja tal-Istat, 21 skola Primarja tal-Knisja u 7 skejjel Primarji Indipendenti. Fosthom kien hemm tliet  skejjel tal-Knisja li kellhom klassijiet tas-sitt sena tal-Primarja għall-ewwel darba li pparteċipaw fil-Benċmark ta’ din is-sena. Kien hemm 1729 tifel (46%) u 2004 tifla (54%), b’total ta’ 3733 student u studenta li daħlu għal din l-esperjenza. Dan in-numru jirrappreżenta 93% tal-istudenti kollha li setgħu jagħmlu l-Benċmark.

L-assessjar sar fil-Malti, fl-Ingliż u fil-Matematika.

Fil-Malti l-istudenti kellhom sessjoni ta’ Taħdit (20 marka), sessjoni ta’ Fehim mis-Smigħ (20 marka), sessjoni ta’ Fehim mill-Qari (30 marka) u sessjoni ta’ Kitba (30 marka). Il-marka medjana nazzjonali f’kull taqsima kienet: 17 fit-Taħdit, 18 fis-Smigħ, 24 fil-Qari u 20 fil-Kitba. Il-marka medjana nazzjonali globali fil-Malti kienet 79.

Fl-Ingliż it-taqsimiet kienu l-istess bħal dawk fil-Malti. Fit-Taħdit il-marka medjana nazzjonali kienet 17, fil-Fehim mis-Smigħ 17, fil-Fehim mill-Qari 22 u fil-Kitba 17. Il-marka medjana nazzjonali globali fl-Ingliż kienet 73.

Fil-Matematika kien hemm żewġ taqsimiet: il-karta Mentali (20 marka) u l-karta tal-Kitba (80 marka). Il-marka medjana tal-karta Mentali kienet 16 u dik tal-karta tal-Kitba kienet 54.  Il-marka medjana nazzjonali globali fil-Matematika kienet 70.

Dawn iċ-ċifri juru li nofs l-istudenti li għamlu l-eżerċizzju tal- Benċmark kisbu 79 marka jew aktar fil-Malti, 73 marka jew aktar fl-Ingliż u 70 marka jew aktar fil-Matematika.

Kull karta tal-Benċmark ġiet immarkata minn żewġ markaturi mingħajr ma nkiteb xejn fuq  l-iskritt biex ma jinfluwenzawx lil xulxin. Dan l-eżerċizzju sar minn 112-il markatur: 44 għall-karti tal-Malti, 40 għall-karti tal-Ingliż u 28 għall-Matematika.

Ir-riżultati miksuba mill-istudenti ntbagħtu lill-iskejjel fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u lill-istudenti ntbagħtulhom fis-7 ta’ Lulju 2014. Fihom kien hemm indikata l-marka miksuba minn kull tifel u tifla f’kull taqsima tat-tliet suġġetti li fihom it-tfal kienu assessjati fil- Benċmark.  Kien hemm indikat ukoll il-marka medjana nazzjonali għal kull taqsima tat-tliet suġġetti. B’hekk il-ġenituri setgħu jiġġudikaw huma stess kif marru wliedhom f’kull suġġett u kif jipparagunaw mal-marka medjana nazzjonali.

Matul din is-sena saru diversi laqgħat ta’ informazzjoni u diskussjoni dwar il-Benċmark mal-ġenituri, l-għalliema u mal-kapijiet tal-iskejjel, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Il-karti tal-Benċmark 2014 se jkunu jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku

http://www.curriculum.gov.mt taħt it-taqsima Examinations and Benchmark. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow