Left arrow Mur Lura

​IT-TIBDIL TAL-KLIMA JOLQOT FIL-LAĦAM IL-ĦAJ LIR-REĠJUN TAL-MEDITERRAN LI HUWA WIEĦED MILL-AKTAR VULNERABBLI MADWAR ID-DINJA

pr141620
Date Icon 16/07/2014

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat jindirizza laqgħa informali tal-Ministri Ewropej tal-Ambjent f’Milan

It-tibdil tal-klima jolqot fil-laħam il-ħaj lir-reġjun tal-Mediterran li huwa wieħed mill-aktar vulnerabbli madwar id-dinja, raġuni li fiha nnifisha hija valida biżżejjed għalfejn pajjiżna għandu jkompli jpoġġi din il-problema fuq quddiem nett tal-aġenda lokali, reġjunali u globali tiegħu.

Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta kien qiegħed jitkellem dwar dan is-suġġett fil-laqgħa informali tal-Ministri Ewropej tal-Ambjent ġewwa Milan bi tħejjija għas-Summit għall-Mexxejja Dinjija msejjaħ mis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda f'Settembru li ġej.

Il-Ministru Brincat qal li għaldaqstant Malta tawgura li kemm dan is-Summit kif ukoll in-negozjati internazzjonali li għandhom iwasslu għall-laqgħa globali ta' Lima fil-Peru f'Diċembru li ġej għandhom jagħtu l-frott meħtieġ u mistenni, fl-iqsar żmien possibbli.

Dwar is-Summit tal-mexxejja dinjija li ser jorganizza Ban Ki-moon, il-Ministru Brincat qal li dan l-avveniment għandu jimmira biex:
• jagħti xhieda tal-impenn tal-mexxejja ewlenin biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tibdil tal-klima
• tinbena rankatura qawwija biżżejjed bil-għan li jintlaħaq ftehim li jorbot dwar il-klima ġewwa Pariġi fi tmiem is-sena d-dieħla
• jipprovdi opportunità unika ta' appoġġ għall-proċess tal-UNFCCC (UNITED NATIONS FRAMEWORK CONVENTION ON CLIMATE CHANGE)
• jiffoka fuq dak li l-kommunità internazzjonali aspirat għalih ġewwa Durban, Doha u Varsavja.

Il-Ministru Brincat appella wkoll biex dakinhar tingħata assikurazzjoni dwar il-kapitalizzazzjoni tal-hekk imsejjaħ GREEN CLIMATE FUND u jiżdied l-appoġġ politiku għall-CLIMATE FINANCE, idealment b'sehem u b'impenn tas-settur privat ukoll.

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima saħaq li l-ftehim dwar il-qafas għas-sena 2030 propost mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Klima u l-Enerġija mhux biss jeħtieġ li jiġi maqbul mingħajr dewmien iżda jrid ikun marbut direttament mal-proċess kollu msemmi flok jiġi ttrattat b'mod iżolat.

Huwa tenna li jekk id-dinja globalizzata tagħżel li ma tagħmel xejn jew tmur għal soluzzjonijiet nofshom imsajrin il-prezz li jkollha tħallas ikun għola anki finanzjarjament milli kieku kellha tieħu l-miżuri kuraġġużi u radikali sabiex l-adattazzjoni u l-mitigazzjoni jiġu maqbula b'mod miftiehem u ko-ordinat.

Speċjalment issa li anki pajjiżi kbar bħall-Istati Uniti qed jagħrfu l-fatt li l-indifferenza lejn dan is-suġġett tkabbar ir-riskji finanzjarji u ekonomiċi kemm għall-pajjiżi kbar u dawk iċken minnhom anki fuq livell ta' intrapriżi u negozji.

Il-Ministru Brincat kompla jisħaq li billi  fil-każ tal-Mediterran din tibqa’ waħda mill-aktar reġjuni vulnerabbli għal din it-theddida serja,  għaldaqstant pajjiżna flimkien ma’ oħrajn għandu jippjana wkoll għar-riżultati konkreti li jmorru ferm lill hinn mis-Summits imsemmija nfushom.

Kull ftehim milħuq jeħtieġ li jkun robust, ambizzjuż, inklużiv u effettiv.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow