STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U TIBDIL FIL-KLIMA
Il-Gvern impenjat biex ir-rijabilitazzjoni tal-Magħtab issir bl-aktar mod sostenibbli
L-Oppożizzjoni qed tagħżel li tkun negattiva anki dwar ir-rijabilitazzjoni tal-Magħtab. Huwa ironiku li din il-kritika ġejja minn partit li fl-2008 tela’ fil-gvern bl-għajta elettorali li dan is-sit kien se jibda jwarrad. Naturalment wegħda li, kif jista jixhed kulħadd, baqgħet ma twettqitx.
L-Oppożizzjoni ta’ llum, meta kienet fil-gvern, kienet wegħdet ukoll li tibni park għall-familja li kellu jkun b’riħa ta’ fwieħa. Dan il-proġett kien ibbażat biss fuq diskors. La qatt ħarġu tenders għal dan il-park u lanqas qatt saru studji dwar il-vijabbilità tal-park mill-aspett ta’ saħħa ambjentali. Kien intqal biss li dan il-proġett ikun jista jitwettaq mis-sena 2027 ‘il quddiem.
Illum, li ninsabu fl-2014, l-Oppożizzjoni qed tikkritika lil dan il-Gvern b'nuqqas ta’ viżjoni ambjentali wara 15-il xahar fl-amministrazzjoni. In-negattività tal-Oppożizzjoni hija bbażata fuq il-premessa żbaljata li dan il-Gvern abbanduna xi pjan għar-rijabilitazzjoni tal-Magħtab.
Ix-xogħol ta’ rijabilitazzjoni se jibqa’ għaddej kif pjanat, bħala parti minn proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, billi fost oħrajn jiġu capped il-landfills li m’għadhomx jintużaw u afforestazzjoni ta’ żoni differenti fil-Magħtab. Bħalissa għaddejjin ukoll diskussjonijiet inter-ministerjali dwar diversi alternattivi li jistgħu jiġu kkunsidrati għal iktar rijabilitazzjoni tas-sit.
Dan huwa Gvern li, b’differenza mill-amministrazzjonijiet preċedenti, jwettaq dak li wiegħed fil-manifest elettorali tiegħu u għalhekk se jkun qed jiddenfitika x’passi għandhom jittieħdu sabiex jindirizza l-problema tal-irwejjaħ, u problemi oħra, li għadhom jolqtu kemm lir-residenti kif ukoll li kull min ikun għaddej mill-viċinanzi.
Il-Gvern se janaliżża kull alternattiva skont il-vijabbilità tagħha u, kif diġa ntqal mill-kap eżekuttiv tal-Wasteserv, wara li jittieħdu l-kunsiderazzjonijiet kollha fosthom li l-miżbla tal-Magħtab ingħalqet biss fis-sena 2004 u għalhekk għad hemm gassijiet li qed jiġu ttrattati; li tmiss mal-Magħtab hemm il¬-faċilità tal-Għallis li titqies bħala żona ambjentalment perikoluża; u li l-Wasteserv qegħda tibni l-Malta North Project li se jibda jitħaddem f’Jannar 2016 u li jaffettwa l-immaniġjar tal-inħawi.
Ukoll kif kommess fil-manifest elettorali tiegħu, dan il-Gvern ipoġġi s-saħħa ambjentali bħala punt fokali fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Għalhekk, b’serjetà u responsabbilità, din l-amministrazzjoni se tagħmel l-għażliet fil-mument opportun biex, bl-istudji kollha neċessarji u mingħajr ma jkun hemm telf ta’ fondi Ewropej, il-Magħtab tkun rijabilitata bl-aktar mod sostenibbli.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en