Left arrow Mur Lura

MASTER IN TEACHING AND LEARNING BĦALA T-TRIQ ĠDIDA GĦALL-EDUKAZZJONI INIZJALI GĦALL-GĦALLIEMA

pr141609mt
Date Icon 15/07/2014

Il-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta se tkun qed toffri kors ta’ sentejn full-time għall- grad ta’ Master in Teaching and Learning. Fis-snin li ġejjin dan il-programm ta’ studju se jieħu post il-korsijiet tal-B.Ed. (Hons) u l-PGCE li hemm bħalissa u jkun it-triq rikonoxxuta għall-għalliema.

Permezz tal-Master in Teaching & Learning, il-Fakultà tal-Edukazzjoni għandha l-għan li tibni fuq it-tradizzjoni tagħha ta’ Edukazzjoni Inizjali għall-Għalliema, rikonoxxuta kemm lokalment kif ukoll barra l-pajjiż. Il-Fakultà tfittex li timpenja għalliema prospettivi fi proċess ta’ prattika u riflessjoni li jkun marbut mill-qrib mal-bżonnijiet tal-iskejjel ta’ llum u li għandu l-għan li jappoġġja lill-istudenti kollha. L-istudenti li jiggradwaw bil-Master in Teaching and Learning (MTL) ikunu eliġibbli li jidħlu fil-professjoni ta’ għalliema u japplikaw għall-Warrant ta’ għalliema.

Fil-kors ta' studju Master in Teaching and Learning (MTL), l-istudent għandu għażla bejn MTL fl-Edukazzjoni Bikrija u Primarja; u MTL fl-Edukazzjoni Medja u Sekondarja.

Min ikollu l-kwalifika MTL (Edukazzjoni Bikrija u Primarja) se jkun jista’ jaħdem fi skejjel Primarji ma’ tfal bejn l-ewwel u s-sitt sena (Year 1 sa Year 6). Dawk li jikkwalifikaw għall-MTL (Edukazzjoni Medja u Sekondarja) se jkunu jistgħu jaħdmu fi skejjel Sekondarji.

Applikanti prospettivi li għandhom il-ħsieb ikomplu l-istudji tagħhom biex jilħqu għalliema fl-iskejjel primarji mill-ewwel sas-sitt sena (Year 1 sa Year 6) għandu jkollhom lawrja tal-ewwel grad (undergraduate degree). Fost il-lawrji tal-ewwel grad (undergraduate degree) li jwasslu għall-MTL (Edukazzjoni Bikrija u Primarja) ser ikun hemm kors ta’ tliet snin li jwassal għall-B.A. (Early Childhood Education & Care). Bħalissa qed jiġu kkunsidrati wkoll lawrji tal-ewwel grad li jistgħu jwasslu għal MTL (Edukazzjoni Bikrija u Primarja). Il-lawrja tal-B.A. (Early Childhood Education & Care) twassal għall-impieg fil-Kindergarten, ma’ tfal ta’ bejn tlieta u ħames snin.

Applikanti prospettivi li għandhom il-ħsieb isegwu l-istudji biex isiru għalliema f’wieħed jew żewġ suġġetti mgħallma fil-livell Sekondarju, għandhom isegwu lawrja tal-ewwel grad li tinkludi 60 ECTS fil-qasam/oqsma tas-suġġetti li għandhom l-intenzjoni jispeċjalizzaw fihom bħala għalliema.  Il-lawrja tal-ewwel grad tista’ tiġi segwita permezz ta’ programmi offruti minn Fakultajiet oħra tal-Università, bħall-Fakultà tal-Arti, il-FEMA, l-ICT, it-Tisħiħ tas-Soċjetà, ix-Xjenza u t-Teoloġija.  Il-lawrja tal-ewwel grad tista’ wkoll tiġi offruta mill-Fakultà tal-Edukazzjoni għal numru ta’ suġġetti mgħallma fl-iskejjel sekondarji. Dawn il-lawrji tal-ewwel grad se jiġu mnedija fis-snin 2016-2017 u jkunu segwiti mill-kors ta’ sentejn full-time ta’ Master in Teaching and Learning.

Għal suġġetti fejn diġà jeżistu lawrji tal-ewwel grad fl-Università ta’ Malta, ir-rotta tal-MTL se titnieda fil-bidu tas-sena akkademika 2016-2017. Għal suġġetti fejn programmi tal-ewwel grad għadhom qegħdin jiġu żviluppati, ir-rotta tal-MTL se titnieda fil-bidu tas-sena akkademika 2019-2020.

Se ssir laqgħa ta’ informazzjoni nhar l-Erbgħa 16 ta’ Lulju, fl-4.30p.m., Gateway Hall A, fl-Università ta’ Malta.

Aktar informazzjoni se tkun aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fuq http://www.um.edu.mt/educ.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow