MASTER IN TEACHING AND LEARNING BĦALA T-TRIQ ĠDIDA GĦALL-EDUKAZZJONI INIZJALI GĦALL-GĦALLIEMA
Il-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta se tkun qed toffri kors ta’ sentejn full-time għall- grad ta’ Master in Teaching and Learning. Fis-snin li ġejjin dan il-programm ta’ studju se jieħu post il-korsijiet tal-B.Ed. (Hons) u l-PGCE li hemm bħalissa u jkun it-triq rikonoxxuta għall-għalliema.
Permezz tal-Master in Teaching & Learning, il-Fakultà tal-Edukazzjoni għandha l-għan li tibni fuq it-tradizzjoni tagħha ta’ Edukazzjoni Inizjali għall-Għalliema, rikonoxxuta kemm lokalment kif ukoll barra l-pajjiż. Il-Fakultà tfittex li timpenja għalliema prospettivi fi proċess ta’ prattika u riflessjoni li jkun marbut mill-qrib mal-bżonnijiet tal-iskejjel ta’ llum u li għandu l-għan li jappoġġja lill-istudenti kollha. L-istudenti li jiggradwaw bil-Master in Teaching and Learning (MTL) ikunu eliġibbli li jidħlu fil-professjoni ta’ għalliema u japplikaw għall-Warrant ta’ għalliema.
Fil-kors ta' studju Master in Teaching and Learning (MTL), l-istudent għandu għażla bejn MTL fl-Edukazzjoni Bikrija u Primarja; u MTL fl-Edukazzjoni Medja u Sekondarja.
Min ikollu l-kwalifika MTL (Edukazzjoni Bikrija u Primarja) se jkun jista’ jaħdem fi skejjel Primarji ma’ tfal bejn l-ewwel u s-sitt sena (Year 1 sa Year 6). Dawk li jikkwalifikaw għall-MTL (Edukazzjoni Medja u Sekondarja) se jkunu jistgħu jaħdmu fi skejjel Sekondarji.
Applikanti prospettivi li għandhom il-ħsieb ikomplu l-istudji tagħhom biex jilħqu għalliema fl-iskejjel primarji mill-ewwel sas-sitt sena (Year 1 sa Year 6) għandu jkollhom lawrja tal-ewwel grad (undergraduate degree). Fost il-lawrji tal-ewwel grad (undergraduate degree) li jwasslu għall-MTL (Edukazzjoni Bikrija u Primarja) ser ikun hemm kors ta’ tliet snin li jwassal għall-B.A. (Early Childhood Education & Care). Bħalissa qed jiġu kkunsidrati wkoll lawrji tal-ewwel grad li jistgħu jwasslu għal MTL (Edukazzjoni Bikrija u Primarja). Il-lawrja tal-B.A. (Early Childhood Education & Care) twassal għall-impieg fil-Kindergarten, ma’ tfal ta’ bejn tlieta u ħames snin.
Applikanti prospettivi li għandhom il-ħsieb isegwu l-istudji biex isiru għalliema f’wieħed jew żewġ suġġetti mgħallma fil-livell Sekondarju, għandhom isegwu lawrja tal-ewwel grad li tinkludi 60 ECTS fil-qasam/oqsma tas-suġġetti li għandhom l-intenzjoni jispeċjalizzaw fihom bħala għalliema. Il-lawrja tal-ewwel grad tista’ tiġi segwita permezz ta’ programmi offruti minn Fakultajiet oħra tal-Università, bħall-Fakultà tal-Arti, il-FEMA, l-ICT, it-Tisħiħ tas-Soċjetà, ix-Xjenza u t-Teoloġija. Il-lawrja tal-ewwel grad tista’ wkoll tiġi offruta mill-Fakultà tal-Edukazzjoni għal numru ta’ suġġetti mgħallma fl-iskejjel sekondarji. Dawn il-lawrji tal-ewwel grad se jiġu mnedija fis-snin 2016-2017 u jkunu segwiti mill-kors ta’ sentejn full-time ta’ Master in Teaching and Learning.
Għal suġġetti fejn diġà jeżistu lawrji tal-ewwel grad fl-Università ta’ Malta, ir-rotta tal-MTL se titnieda fil-bidu tas-sena akkademika 2016-2017. Għal suġġetti fejn programmi tal-ewwel grad għadhom qegħdin jiġu żviluppati, ir-rotta tal-MTL se titnieda fil-bidu tas-sena akkademika 2019-2020.
Se ssir laqgħa ta’ informazzjoni nhar l-Erbgħa 16 ta’ Lulju, fl-4.30p.m., Gateway Hall A, fl-Università ta’ Malta.
Aktar informazzjoni se tkun aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-Fakultà tal-Edukazzjoni fuq http://www.um.edu.mt/educ.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en