STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI
Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti ma tistax tistenna iktar.
Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti ma tistax tinstenna iktar għaliex din hija liġi li se timponi regoli ċari dwar kif, fost oħrajn, il-partiti politiċi jistgħu jiġbru fondi mid-donazzjonijiet u jimmaniġjaw il-flus tagħhom sabiex tikber is-serjetà f’qasam daqshekk kruċjali tad-demokrazija tagħna.
Minħabba t-tkaxkir tas-saqajn ta’ gvernijiet preċendenti tal-Partit Nazzjonalista li qatt ma lleġiżlaw favur din il-liġi li ddaħħal serjetà u trasparenza fit-tmexxija tal-finanzi tal-partiti politiċi, pajjiżna qiegħed taħt eżami minn entitajiet internazzjonali bħall-GRECO fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li wissew bl-iktar mod ċar li ma jistax ikun li l-ligi ddum iktar biex tidħol fis-seħħ. Għalhekk il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti għandha tgħaddi mill-Parlament skont kif pjanat, jiġifieri qabel il-waqfa għas-sajf fl-interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin u fl-interess tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Il-Gvern jemmen li l-ewwel, il-partiti politiċi għandhom jagħtu xhieda tal-impenn tagħhom favur tmexxija trasparenti u serja tal-finanzi tagħhom billi jaderixxu u jżommu mal-liġi ġdida li qed iressaq dan il-Gvern.
Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti li l-Gvern ressaq quddiem il-Parlament wara konsultazzjoni pubblika għal xhur sħaħ, fil-fatt, se tagħmel propju hekk. Se ddaħħal serjetà u regolamentazzjoni ċara kif partiti jirregolaw b’mod trasparenti l-finanzi tagħhom. B’hekk il-partiti politiċi jkunu qed jagħtu prova ta’ kemm huma lesti li jħaddnu politika nadifa fit-tmexxija finanzjarja tagħhom.
Huwa biss jekk l-implimentazzjoni tal-liġi tkun suċċess fl-ewwel snin tagħha, li mbaghad tkun tista' ssir diskussjoni Nazzjonali dwar il-passi li jmiss.
Il-Gvern jemmen li diskussjoni bħal din ma tistax issir bejn Gvern u Oppożizzjoni biss, iżda għandha tkun pubblika u miftuħa.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en