Left arrow Go Back

“IMPENJATI BIS-SĦIĦ BIEX NINDIRIZZAW L-ISFIDA TAD-DIJABETE” - CHRIS FEARNE

pr141603
Date Icon 15/07/2014

Waqt il-Kumitat ta’ Ħidma Parlamentari dwar id-Dijabete, is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne tkellem fuq l-impenn tal-gvern biex tkun indirizzata l-isfida tad-dijabete f’pajjiżna.  Chris Fearne ħabbar li l-gvern qed jahdem biex titfassal Strateġija Nazzjonali li għandha tgħin lil persuni li għandhom din il-kundizzjoni u fl-istess ħin jinforma u jeduka dwarha.F’dan ir-rigward, twaqqaf grupp apposta li ser ikun qed jagħmel laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders fis-settur, inkluż għaqdiet non-governattivi, professjonalisti u pazjenti. Is-setturi li ser ikunu qegħdin ikunu diskussi jinkludu: l-perċezzjoni fuq is-servizzi kurrenti, trattamenti ġodda w innovattivi, appoġġ u rijabilitazzjoni, l-aspetti psikosoċjali tad-dijabete, il-politika ta’ prevenzjoni u  kampanji ta’ għarfien speċjalment qalb gruppi vulnerabbli bħat-tfal u għall-anzjani.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni ser jitnieda għall-pubbliku fl-14 ta’ Novembru 2014, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Dijabete.

Chris Fearne qal lil Kumitat “Aħna impenjati bis-serjeta’ li nindirizzaw din il-kundizzjoni li fost il-poplu Malti tammonta għal għaxra fil-mija tal-popolazzjoni li jfissru tletin elf persuna li għandhom din il-kundizzjoni u jeħtieġ li jingħataw servizz tajjeb u aħjar milli qed jingħataw illum”

Is-Segretarju Parlamentari qal li avolja bħalissa qegħda tiġi offruta kura komprensiva kemm mis-servizzi tas-saħħa pubbliċi u dawk privati, madanakollu din għandha bżonn titjib sostanzjali wara n-nuqqas ta’ innovazzjoni u investiment li dan is-settur sofra f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Il-Gvern bħalissa qiegħed jaħdem fuq diversi inizjattivi biex jipprovdi kura aħjar lill-persuni li għandhom id-dijabete. Dawn jinkludu investiment fl-apparatat ġdid, Fundus Camera fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta u l-Floriana f’Awwissu li ġej, aktar taħriġ intensiv lit-tobba fil-ġimgħat li ġejjin, Post-Graduate Diplomata in Dietetics f’Settembru li jmiss flimkien mal-introduzzjoni tar-Reġistru tad-Dijabete fis-sena 2015.

Chris Fearne temm jgħid li l-għan wara l-istrateġija nazzjonali kontra d-dijabete ser ikun pass ieħor ’il quddiem: 

-           Biex titjieb tal-kwalità tal-ħajja għall-persuni b’dijabete u l-familji tagħhom;

-           Biex jissaħħaħ lir-rwol tal-professjonisti fil-qasam tal-kura primarja flimkien mas-servizzi offruti lit-tfal u l-adoloxxenti;

-           Biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ gruppi vulnerabbli bħal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali u d-dijabete;

-           Biex jiġu mogħtija dijanjosi u trattamenti aktar kmieni biex jiġu evitati kumplikazzjonijiet oħra.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow