Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT FIL-KAMRA TAD-DEPUTATI, DWAR IŻ-ŻJARA FIĊ-ĊINA

pr141601
Date Icon 14/07/2014

Xtaqt mal-ewwel okkażjoni li għandi li niġi quddiem il-Kamra tar-Rappreżentanti npoġġi fuq il-medja ta’ dan il-Parlament il-Memondarum of Understanding għall-Koperazzjoni medium-term ta’ perjodu ta’ ħames snin li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u dak Ċiniż nhar il-Erbgħa 9 ta’ Lulju 2014.

Dan huwa l-ewwel MOU, jew ftehim formali, ta’ din ix-xorta li Gvern Ewropew għamel mat-tieni l-ikbar ekonomija fid-dinja, iċ-Ċina, fl-istess żmien li l-pajjiżi kollha, mill-akbar sa l-iżgħar, qed jaħdmu biex itejbu r-rabtiet ma’ dan il-pajjiż.

Dan il-ftehim se jiftaħ beraħ bibien ġodda ta’ investiment f’pajjiżna. 

L-oqsma ta’ koperazzjoni li ġew identifikati bejn iż-żewġ naħat huma: L-infrastruttura, servizzi finanzjarji, turiżmu, enerġija, avjazzjoni, edukazzjoni, sport u kultura fost l-oħrajn.

Fi ftit kliem, dan il-ftehim ikopri l-oqsma li huma ta’ prijorita’ għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Il-viżjoni tagħna fil-qasam tal-investiment barrani hija wiesgħa u globali. Viżjoni li tagħmel sens kummerċjali għal pajjiżna. Viżjoni ta’ ekonomija miftuħa biex tagħmel business ma’ kull parti mid-dinja.

Inħoss li issa huwa ż-żmien li nkomplu niftħu l-bibien beraħ għal swieq ġodda. Filwaqt li nifhem u nirrealizza l-bżonn li l-politika tal-leġislatura ta’ bejn l-2003 u l-2008 kienet iffukata fuq l-Ewropa, illum fl-2014 nemmen li s-suq Ewropew għadu importanti imma li d-dinja hija ferm ikbar mill-Ewropa.

Dan qed nirrealizzawh u l-pjan ta’ koperazzjoni maċ-Ċina huwa parti minn din il-viżjoni.

Maċ-Ċina ma għadekx tagħmel kummerċ sempliċiment biex jagħmlulek pjaċir. Irid jagħmel sens kummerċjali għalihom li jinvesti. Dak li għamlu permezz ta’ dan il-ftehim għamluh minħabba li jirrispettawna bħala poplu Malti, imma jafu li jekk kumpanija Ċiniża tinvesti f’pajjiżna, se tkun qed tagħmlu għax pajjiżna joffri potenzjal għalihom.

Iċ-Ċina huwa pajjiż li qed iħares li jinvesti fid-dinja kollha. Mexxejja Ewropej qed jagħmlu minn kollox biex jiġbdu lejn pajjiżhom l-ikbar investiment possibbli. Kollegi mexxejja ta’ gvernijiet bħal Angela Merkel, Matteo Renzi u David Cameron marru ċ-Ċina biex jiġbdu dan l-investiment. Aħna qegħdin ma’ ta’ quddiem, wara li ftit inqas minn sena ilu morna ġibna investiment fil-qasam tal-enerġija li bdejna nsarrfu b’mod konkret diġa’ u qed inkunu qabilhom bl-iffirmar ta’ dan l-MOU.

F’dan il-qasam huwa kruċjali li tkun pass qabel ħaddieħor. L-investiment li qed infittxu huwa wieħed sostenibbli u konkret li joħloq ix-xogħol u jsaħħaħ it-tkabbir ekonomiku.

Ninnota wkoll il-kummenti pożittivi ta’ Standards and Poor’s li l-ġimgha l-oħra ikkonfermat id-direzzjoni tajba li qabad il-Gvern fil-qasam ekonomiku u kkonfermat il-credit rating ta’ Malta. Altru minn bailout. Il-kummenti nilqgħuhom filwaqt li nafu li fadal ħafna xi jsir.

Ninvestu iktar riżorsi fiċ-Ċina

Dan il-Memorandum of Understanding huwa frott ta’ xogħol matul dawn is-sittax il-xahar ta’ ħidma tal-Gvern. Nirrikonoxxi u nirringrazzja tal-ħidma tagħhom lid-Deputat Prim Ministru Louis Grech, lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Dr George Vella, l-Ambaxxatur ta’ Malta f’Beijing, Clifford Borg Marks u lis-Sinjura Sai Mizzi Liang tal-ħidma biex jinkisbu riżultati li qed naraw u se nibqgħu naraw il-frott tagħhom. Nassigura lil din il-Kamra li r-return on investment tar-riżorsi umani li għandna jaħdmu għal pajjiżna fiċ-Ċina huwa tajjeb ħafna meta tqis il-frott li qed naqtgħu.

Anzi, għad fadal ħafna x’ninvestu f’riżors uman meta tqis il-mod limitat li għandna jahdmu f’suq ta’ 1.3 biljun ruħ. Bil-ftit riżorsi li nvestejna f’din is-sena u ftit xhur ksibna iktar milli qatt inkiseb fl-aħħar 25 sena. Dan il-Gvern huwa results-driven u jitkellem bir-riżultati f’idejh.

Matul iż-żjara fiċ-Ċina ġie kkonfermat ukoll li tlestew il-proċeduri biex ikollna Konsulat Ġenerali f’Shanghai, iċ-ċentru finanzjarju u kummerċjali fiċ-Ċina. Dan huwa l-mod li bih qed nifirxu l-isforzi tagħna mhux biss fil-Belt Kapitali taċ-Ċina, imma anke f’reġjuni oħra li jistgħu jkomplu jsaħħu l-isforzi tagħna.

Riżultati konkreti

Ħabbart sakemm kont iċ-Ċina kif pajjiżna mhuwiex biss qed iħares biex jiġbed l-investiment biss, iżda anke kif mexjin fit-triq biex ninvestu f’pajjiż Ewropew ieħor fil-qasam tal-enerġija. Dan jista’ jsir possibbli permezz ta’ joint venture bejn Shanghai Power Electric u l-Enemalta li se tkun qed toffri sistemi ta’ enerġija alternattiva u pannelli solari li jiġġeneraw ammont ta’ elettriku li jinxtara minn dan il-pajjiż.

Bħala pajjiż mexjin fid-direzzjoni li nservu ta’ hub loġistiku u qed naħdmu fuq policy dwar l-industrija tal-loġistika. Niċċa li għandha potenzjal ta’ tkabbir enormi b’mod partikolari għax inkunu qed nisfruttaw il-pożizzjoni geo-strateġika ta’ pajjiżna. Pajjiżna diġa’ għandu l-Freeport li jaħdem f’dan il-qasam. Issa qed inħarsu li nifirxu biex ikollna Free Trade Zones biex inkomplu nifirxu f’dan il-qasam.

Filfatt ħabbart ukoll li din l-istrateġija qed tintlaqa’ b’interess u diġa’ hemm kumpanija li qed tinteressa ruħha u bdew id-diskussjonijiet biex tinvesti f’dan il-qasam.

Kellna laqgħa wkoll dwar il-possibilitajiet li jeżistu biex Malta u Għawdex jingħaqdu permezz ta’ fixed connection. Tlabt li l-istudji jitwessgħu għall-options oħra u jieħdu in konsiderazzjoni aktar l-aspetti ambjentali tal-proġett. Dan ifisser li se jiġu kkunsidrati options varji għal din il-connection biex inkunu nistgħu nieħdu deċiżjoni fuq l-aqwa triq ‘il quddiem.

Nemmen ukoll li nistgħu nattiraw investiment miċ-Ċina fi breakwater bejn il-Belt u Tas-Sliema. Dan jista’ jiftaħ opportunitajiet kbar biex iż-żona tiġi trasformata f’żona ta’ kwalita’ li tixraq kemm l-ambjent ta’ Tas-Sliema u torganizza aħjar iż-żona.

Laqgħat bilaterali

F’Beijing kelli l-opportunita’ li għal darb’oħra nerġa niltaqa’ mal-Prim Ministru Ċiniż Li Keiqang u delegazzjoni mill-Gvern tiegħu. F’Guiyang imbagħad iltqajna mal-Viċi President taċ-Ċina Li Yuanchao.

Tkellimna kif ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti qed jitrasformaw ruħhom f’opportunitajiet għaż-żewġ pajjiżi. Ir-rispett reċiproku li jeżisti jgħin biex jissaħħu allura r-relazzjonijiet kummerċjali.

Iż-żewġ mexxejja kkonfermaw li pajjiżna jgawdi rispett kbir miċ-Ċina minħabba r-relazzjonijiet eċċellenti matul is-snin u li jaraw f’pajjiżna sieħeb u ħabib antik importanti fl-Ewropa u l-Mediterran fuq l-għatba tal-Afrika.

Eco-Forum Global Annual Conference

F’Guiyang imbagħad ipparteċipajt fl-Eco-Forum Global Annual Conference u ffukajt iż-żewġ interventi tiegħi fuq l-importanza ta’ ekonomija ħadra u dik blu fil-qasam marittimu.  Wassalt il-messaġġ li fl-iżvilupp sostenibbli b’rispett lejn l-ambjent u l-ekoloġija marittima hemm opportunitajiet ukoll.

Dan id-djalogu globali għandu jwassal għal tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u l-Asja (Eurasia) permezz tal-istrateġija magħrufa bħala l-Green Silk Road. Enfasizzjat l-importanza li din l-istrateġija tieħu in konsiderazzjoni l-aspett marittimu li fuq kollox jgħaqqad il-ġnus bejn il-kontinenti.

Konklużjoni

Din iż-żjara ħalliet il-frott ta’ Gvern li qed iħares biex jiddiversifika l-ekonomija biex tkompli tkun kompettitiva, ngħid jien, pass qabel ħaddieħor. Nemmnu fil-potenzjal tagħna u dan qed jissarraf bil-viżjoni li naraw pajjiżna b’saħħtu fl-Ewropa u miftuħ li jagħmel business mad-dinja kollha u li mill-ġid li jinħoloq igawdi kulħadd.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow