VERIFIKA TA’ PRESTAZZJONI: MALTA’S LEVEL OF PREPAREDNESS TO DEAL WITH OIL POLLUTION AT SEA
L Awditur Ġenerali rrapporta li l implimentazzjoni tan-National Marine Pollution Contingency Plan (NMPCP) hija suġġetta għal xi limitazzjonijiet operattivi u amministrattivi. Dan il-Pjan ta’ kontinġenza, li jkopri l-baħar territorjali u lil hinn f’każ ta’ riskju għal Malta, ġie approvat mill-Gvern fl-2010. Madanakollu, l-istudji dwar ir-riskji ambjentali u soċjoekonomiċi, li fuqhom huwa bbażat dan il-Pjan, jaħsbu biss għal massimu ta’ erba’ mili nawtiċi mill-kosta Maltija meta l-baħar territorjali jkopri tnax ‘il mil nawtiku. Għalkemm il-Pjan jelenka l-ispeċjalizzazzjonijiet meħtieġa biex jittrażżan it-tniġġis u jitnaddfu l-ibħra miż-żejt, mhux dejjem kienu indikati l-kuntatti ta’ min hu responsabbli minn dan.
Il-Pjan jidentifika lill-Awtorità għat-Transport (TM) bħala l-Awtorità Kompetenti. Iżda I-impatt li din l-Awtorità għandha fuq l-entitijajiet l-oħra msemmija fil-Pjan, fosthom il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Awtorità Maltija għall-Ippjanar u l-Ambjent, huwa limitat minħabba li TM m’għandhiex ġurisdizzjoni fuq l-operat ta’ dawn l-entitajiet. Barra minn dan, għal numru ta’ snin, ma ġewx allokati biżżejjed riżorsi u tagħmir biex dawn l-entitajiet isaħħu l-kapaċitajiet organizzattivi, operattivi, tekniċi u amministrattivi tagħhom.
Mis-sistema tal-CleanSeaNet (CSN) l-entitatijiet Maltin irnexxielhom jivverifikaw 57 fil-mija tar-rapporti fejn kien hemm indikazzjoni ta’ tniġġis, liema livell huwa meqjus raġonevoli meta mqabbel ma’ wħud mill-pajjiżi barranin li jużaw din is-sistema. Minkejja dan, f’xi ċirkustanzi kien hemm dewmien sabiex dawn ir-rapporti jiġu vverifikati, meta mqabbel mall-kriterji stabbiliti mis-CSN. Għaldaqstant, il-probabbiltà li tinġabar l-evidenza neċessarja biex tiżgura li min jikkawża t-tniġġis taż-żejt iħallas għal għemilu tista’ tonqos.
L-Awtorità Kompetenti mhux qed tkun dejjem infurmata bit-taħriġ li l-entitajiet konċernati qed jagħtu lill-impjegati tagħhom dwar trażżin u tindif ta’ żejt fl-ibħra. Għaldaqstant, TM ma tistax iżżomm reġistru nazzjonali aġġornat ta’ inizjattivi ta’ taħriġ f’dan is-settur. Barra minn dan, xi entitajiet ma jiħdux sehem fl-eżerċizzju nazzjonali ta’ kull sena, li tikkordina TM, minkejja l-importanza ta’ din is-simulazzjoni. It-TM qed tindirizza limitazzjonijiet marbuta mat-taħriġ billi tniedi pjan strateġiku, li għandu jiġi mplimentat sal-2015.
Limitazzjonijiet fil-manutenzjoni u l-ħażna ta’ makkinarju li jintuża f’inċidenti ta’ tniġġis miż-żejt fil-baħar wasslu sabiex dan it–tagħmir jiddeterjora fi żmien qasir. Dawn iċ-ċirkostanzi, flimkien ma’ nuqqas ta’ impjegati, wasslu sabiex l-entitajiet konċernati jikru tlett dgħajjes speċjalizzati u parti minn dan il-makkinarju lil terzi persuni b’rati differenti ħafna minn xulxin. Dawn il-kuntratti jistipulaw li l-makkinarju għandu jinżamm f’kundizzjoni tajba u jkun aċċessibli għall-entitajiet Maltin f’każ li inċident jiġi ddikjarat bħala diżastru nazzjonali. Iżda l-mekkaniżmi biex l-Awtorità Kompetenti żżomm ruħha infurmata dwar l-istat tat-tagħmir ma kienux dejjem esegwiti.
Ir Rapport jipproponi għadd ta’ rakkomandazzjonijiet fosthom li l-NMPCP jiġi rivedut sabiex jirrifletti aħjar l-iżviluppi minn meta kien formalment approvat. Dan ir Rapport ikun aċċessibbli mis sit elettroniku tal Uffiċċju Nazzjonali tal Verifika (www.nao.gov.mt).
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en