Left arrow Go Back

ĊERTIFIKAZZJONI TA’ EĊĊELLENZA GĦAL MALTA MINN TRIP ADVISOR

pr141595
Date Icon 14/07/2014

“Għandu jsir aktar użu mill-patrimonju storiku u kulturali tagħna biex nagħmlu minn Malta destinazzjoni turistika ta’ kwalità fil-Mediterran”

Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis żar il-Lascaris War Rooms, fuq stedina minn Fondazzjoni Wirt Artna il-Belt Valletta.  Hu wera l-apprezzament tiegħu lejn din l-NGO, li permezz tal-ħila kontinwa tagħha, Malta rnexxilha tikseb ċertifikazzjoni ta’ eċċellenza minn Trip Advisor għal diversi siti prominenti f’pajjiżna.  Trip Advisor hi meqjusa bħala waħda mill-akbar siti tal-ivjaġġar fid-dinja.

Għalkemm din m’hijiex l-ewwel darba li l-Fondazzjoni Wirt Artna kisbet klassifikazzjoni tajba, ta’ min jinnota li Trip Advisor għal din is-sena għoġobha tippremja bi tlett ċertifikati ta’ eċċellenza lill-Forti Rinella, Malta at War Museum u Lascaris War Rooms. Is-sit tal-aħħar irċieva dan iċ-ċertifikat ta’ eċċellenza għat-tielet sena konsekuttiva.

Barra minn hekk Malta rnexxiela takkwista ċertifikat interessanti ieħor minn Travellers’ Choice Landmark 2014 għal Fort Rinella wkoll.

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis saħaq li dawn l-unuri jagħmlu ġieħ lil Malta peress li llum il-ġurnata t-turisti qegħdin jirrikorru dejjem iktar għall-internet, social media u siti bħal Trip Advisor, biex jitgħallmu aktar dwar attrazzjonijiet madwar id-dinja.

“Dan ifisser”, kompla jgħid il-Ministru Zammit Lewis, “li Malta għandha kontinwament tkun proattiva u timxi qabel il-kompetituri tagħha. L-irwol tal-media diġitali fil-qasam turistiku aktar ma jmur aktar se jżid l-importanza tiegħu.”

Il-prodott kulturali li toffri Malta huwa wieħed mill-aqwa fid-dinja, xhieda ta’ dan hija s-7000 sena ta’ storja. Dan il-prodott jiddistingwih minn pajjiżi kompettituri oħra. Din in-niċċa partikolari toffri opportunità biex Malta tiġbed lejha turisti matul is-sena kollha.

“Bil-għan li nsaħħu l-prodott turistiku tagħna, ftit tal-jiem ilu waqqaft Kumitat Konsultattiv bit-tema ‘Turiżmu b’Viżjoni, Turiżmu b’Direzzjoni’  magħmul minn rappreżentanti tal-industrija li jkunu jistgħu jikkontribwixxu fl-aġġornament tal-politika ghat-turiżmu li tkopri is-snin bejn l-2012-2016. Ir-reviżjoni tal-politika għat-turiżmu li, se tiġi estiża sal-2020, se tkun segwita minn pjan ta’ implimentazzjoni li se jitmexxa mill-Ministeru għat-Turiżmu”, qal Dr Zammit Lewis.

Il-Ministru tenna l-appoġġ tal-Gvern lejn il-Fondazzjoni Wirt Artna fil-ħidma tagħha kif ukoll tal-kontribuzzjoni tagħha biex jiżdied l-gharfien u jippromwovu l-wirt kulturali tal-gżejjer tagħna. Dan qed jirriżulta fid-dehra ta’ Malta bħala destinazzjoni kulturali b’saħħitha fil-Mediterran grazzi għall-patrimonju storiku li tħaddan.

“Il-potenzjal ta’ Malta għal turiżmu kulturali huwa kbir u flimkien mal-esponenti kollha rridu naħdmu biex Malta tikkonsolida ruħha bħala destinazzjoni kulturali”, temm jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow