Left arrow Mur Lura

ID-DRAGONARA CASINO JAGĦTI L-APPOĠĠ TIEGĦU LILL-FONDAZZJONI GĦAL-LOGĦOB RESPONSABBLI

pr141593mt
Date Icon 14/07/2014

Id-Dragonara Casino offra l-appoġġ tiegħu lejn il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli b’kontribuzzjoni ta’ €10,000. Din il-kontribuzzjoni se tintuża għal kampanji edukattivi mmirati lejn il-pubbliku u dawk bi problemi ta’ logħob.

L-akbar theddida fil-logħob tal-azzard f’kull soċjetà hi dik marbuta mal-logħob illegali. F’Malta s-sitwazzjoni hi l-istess. Filwaqt li operaturi liċenzjati u regolati għandhom struttura li tillimita l-logħob, biex tgħin u tipproteġi ’l min jilgħab u biex tirregola l-operat, is-suq illegali m’għandu xejn minn dawn il-miżuri u min jidħol f’dan it-tip ta’ operat għal logħob ma jkollu l-ebda assistenza.

Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli għandha tkun strumentali fil-ġlieda kontra l-logħob illegali. Bl-appoġġ tal-industrija tal-logħob bħal dak tad-Dragonara Casino, il-Fondazzjoni se tibda kampanja edukattiva dwar il-logħob bħala attività ta’ divertiment li għandu jsir biss bil-mezzi formali. Min jilgħab għandu jfittex biss dawk l-istabbilimenti liċenzjati għax jista’ jkun hemm konsegwenzi koroh għal min jilgħab fis-suq illegali.

Id-Dragonara Casino jwiegħed l-appoġġ tiegħu lejn il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli u jikkontribwixxi bil-qalb jekk il-fondazzjoni tiddeċiedi tniedi working group flimkien mal-operaturi liċenzjati biex tipproteġi l-interessi ta’ min jilgħab u jitrażżan is-suq tal-logħob illegali.

Filwaqt li s-settur tal-logħob sar wieħed ta’ importanza ewlenija għall-ekonomija ta’ Malta billi jiġġenera madwar 10 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku u joħloq total ta’ 7,000 impjieg, hu importanti li dawk fl-industrija jappoġġjaw lil min jilgħab.

Id-Dragonara Casino se jiċċelebra l-50 anniversarju fil-15 ta’ Lulju 2014. Bħala l-ewwel każinò f’Malta u dak ewlieni, id-Dragonara Casino dejjem kien fuq quddiem biex jippromwovi inizjattivi ta’ logħob responsabbli u kien strumentali biex jiġu fis-seħħ miżuri biex jipproteġu mill-eċċessi lil min jilgħab. L-investiment li sar f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar erba’ snin kien konsiderevoli.

“Aħna nemmnu bis-sħiħ f’perspettiva bilanċjata lejn il-logħob,” qal Franco de Gabriele – Business Development Director fid-Dragonara Casino. “Il-logħob hu wieħed mill-eqdem forom ta’ divertiment li għandu jsir b’moderazzjoni. Logħob eċċessiv jista’ joħloq problemi għal bosta individwi u dawn il-problemi għandhom ikunu indirizzati. Aħna ferħanin bl-appoġġ tagħna għall-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli fix-xogħol eċċellenti li qed tagħmel biex tgħin lill-individwi b’dawn il-problemi. Aħna nemnu li għandu jsir minn kollox biex jitwaqqfu l-prattiċi illegali u nwiegħdu l-appoġġ kollu tagħna lejn il-limitazzjoni tas-suq tal-logħob illegali li hu kkalkulat li jiswa miljuni ta’ ewro.”

“Nieħu pjaċir kbir nara li l-industrija tal-logħob hi tant ħerqana li tgħin lill-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli biex tilħaq l-iskopijiet tagħha,” qal is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku, Dr José Herrera. “Filwaqt li l-gvern hu marbut li jkompli jgħin lill-industrija tikber b’mod responsabbli, qed jimplimenta inizzjattivi speċifiċi biex min għandu problema tal-logħob jingħata l-għajnuna kollha li jeħtieġ filwqat li jkompli jippromwovi l-logħob responsabbli”.

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli, Silvio Schembri laqa’ l-inizzjattiva tad-Dragonara Casino u ħabbar li fil-jiem li ġejjin il-Fondazzjoni se tippreżenta pjan ta’ azzjoni fuq erba’ snin li se juri kif din l-organizzazzjoni se taħdem biex tilħaq il-miri tagħha fosthom kif se tippromwovi konsum responsabbli fil-logħob filwaqt li tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni responsabbli. Dawn l-isforzi huma marbuta mal-prinċipji ewlenin tar-regoli tal-logħob f’Malta, jiġifieri li l-logħob għandu jseħħ b’mod onest u trasparenti, li jkunu protetti persuni taħt l-età u dawk vulnerabbli, u li l-logħob ikun ħieles mill-illegalità jew korruzzjoni. Il-fondazzjoni se tniedi wkoll “Play Responsibility Programme” li jista’ jitgawda mill-membri tal-industrija li jikkontribwixxu għal dan l-iskop.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow