IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU EDWARD ZAMMIT LEWIS F’TAĦDIDIET F’LONDRA
L-Impenn biex inkomplu ntejbu s-settur turistiku anke fix-xhur xitwin
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis irritorna lura Malta minn Londra wara jiem ta’ laqgħat u diskussjonijiet ma’ diversi operaturi mir-Renju Unit u l-Irlanda li joperaw lejn Malta.
Il-Ministru Zammit Lewis iltaqa’ ma’ operaturi magħrufa bħala Malta Specialists, li jispeċċjalizzaw fid-destinazzjoni ta’ Malta. Waqt din il-laqgħa l-Ministru spjega l-isforzi kontinwi bil-politika tal-Gvern u l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, biex jitjieb il-prodott turistiku fid-destinazzjoni tal-gżejjer Maltin. Huwa sema’ mingħand l-operaturi diversi proposti ta’ ideat li jistgħu jiġu kkunsidrati għall-benefiċċju tas-settur.
Sadanittant, il-Ministru għat-Turiżmu flimkien mad-delegazzjoni tiegħu għamel żjara fl-uffiċċju tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu f’Putney Londra. Huma kienu milqugħa mid-Direttur Reġjonali s-Sur Alex Incorvaja u uffiċjali oħra li jaħdmu f’dan l-istess uffiċċju. Inżammet ukoll laqgħa formali mal-membri kollha fl-uffiċċju li jaħdmu fuq ir-reġjun tar-Renju Unit u l-Irlanda għall-Awtorita’, fejn saru preżentazzjonijiet dwar ħidma li tinsab għaddejja bħalissa, bi tħejjija għal kampanji biex jippromwovu d-destinazzjoni ta’ Malta. Minkejja li n-numru ta’ turisti li jiġu jżuruna kull sena minn dan ir-reġjun kien dejjem tajjeb u saħansitra baqa’ dejjem jiżdied, qiegħda ssir ħidma ntensiva għall-prodotti partikolari li mistennija jiġu żviluppati fix-xhur li ġejjin, fosthom dawk taż-żwiġijiet u aktar konferenzi f’pajjiżna.
Wara l-uffiċċju tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, il-Ministru Zammit Lewis żar l-uffiċċju tal-Air Malta, f’ Putney Londra wkoll. Minn dan l-uffiċċju jitmexxa r-reġjun tar-Renju Unit, l-Irlanda, Franza u Olanda. Is-Sur Mario Ghio, Maniġer li jmexxi l-uffiċċju rappreżentattiv tal-Air Malta f’Londra, introduċa lill-impjegati kollha u wara spjega l-firxa wiesgħa tal-operazzjoni li ssir minn dan l-uffiċċju minkejja li l-kumpliment tal-istaff huwa ferm żgħir, biex ikun possibbli għal tant passiġġieri li jaslu fid-destinazzjonijiet rispettivi tagħhom. Il-Ministru Edward Zammit Lewis wera l-apprezzament għal kontribut siewi li l-linja nazzjonali tal-ajru u l-ħaddiema tagħha dejjem taw, anke jekk il-kompetizzjoni f’dan is-settur qiegħda dejjem tikber. L-isfidi li kellha u għandha l-Air Malta mhumiex faċli iżda b’fiduċja soda huma fattibli qal il-Ministru.
Laqgħat importanti oħra li saru waqt din iż-żjara fl-Londra, kienu mal-operaturi turistiċi l-Grupp Thomas Cook, l-Grupp TUI u oħrajn, li għandhom lil Malta fost id-destinazzjonijiet li joperaw fihom. Waqt il-laqgħat ġew diskussi diversi punti ta’ mportanza għas-settur turistiku, fosthom li tinħoloq stateġija ħolistika għax-xhur tax-xitwa. Dan huwa l-impenn intensiv tal-Gvern biex jistabilliza l-istaġjonilita’ fil-qasam turistiku, bi pjan fit-tul. Dawn il-kumpaniji jikkontribwixxu ħafna għan-numri ferm sodisfaċenti li qegħdin nistennew li ser iżuruna matul din is-sena. Il-Ministru Edward Zammit Lewis tenna li ser ikun qiegħed jagħmel minn kollox biex il-prodott tad-destinazzjoni jkompli jitjieb fil-kwalita’ u s-sodisfazzjon tal-klijenti tal-gruppi kollha li joperaw lejn pajjiżna.
Mal-wasla tiegħu f’Malta l-Ministru Zammit Lewis qal, li kienet ġimgħa ntensiva ħafna b’sensiela ta’ laqgħat ferm importanti għas-settur tat-turiżmu ta’ pajjiżna. ‘Minkejja li ninsabu fl-eqqel tal-istaġun, mhux ser inħossuna komdi bil-figuri u n-numri, iżda qegħdin naħdmu qatiegħ sabiex nassiguraw li nkomplu primarjament li nistabillizaw, intejbu l-kwalita’ u niżvillupaw dan is-settur bil-viżjoni fit-tul li rridu naslu biha bl-istrategija li qed infasslu bħalissa’.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu is-Sur Josef Formosa Gauci u uffiċjali għolja mill-Ministeru għat-Turiżmu.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en