IL-MINISTRU HELENA DALLI TISTIEDEN LILL-PARTIT NAZZJONALISTA BIEX META JKOLLU SEZZJONI LGBTI JIBGĦAT RAPPREZENTANT/A FUQ IL-KUNSILL KONSULTATTIV TAL-GVERN
Il-Ministru Helena Dalli indirizzat il-parteċipanti fi tmiem il-gay pride march li sar il-ġimgħa filgħaxija.
Dr Dalli irringrazzjat lill-NGOs u l-voluntiera għax-xogħol li jagħmlu tul is-sena u għall-organizazzjoni tal-attivitajiet tal-gay pride week.
Hija tkellmet fuq ix-xogħol li sar tul din is-sena fil-qasam tad-drittijiet ta’ persuni LGBTI. Hija qalet li tħares lejn is-socjetà mil-lenti tal-ġustizzja kemm dik soċjali u kemm dik ekonomika. Kompliet tgħid li meta ssir diskriminazzjoni kontra xi settur fis-soċjetà tkun qed tinħoloq inġustizzja soċjali u ekonomika.
Dr Dalli qalet kif illum aktar nies qegħdin jifhmu dak li wettaq il-gvern f’dan is-settur. Ħadd ma jagħżel kif jitwieled u għaldaqstant ħadd ma jista’ jċaħħad lil ħaddiehor mid-drittijiet tiegħu jew tagħha a bażi ta’ orjentazzjoni sesswali. Qalet li din kienet ir-raġuni għaliex il-Gvern Laburista mill-bidu nett beda x-xogħol biex jindirizza inġustizzji a bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identità tal-ġeneru fis-soċjetà tagħna.
Il-Ministru Dalli qalet li x-xogħol li sar s’issa seta jsir għax hemm il-konvinzjoni li din hija t-triq it-tajba. Dr Dalli rringrazzjat lill-Prim Ministru għall-appoġġ li wera fix-xogħol li twettaq u għall-inkoraġġiment għal dak li għad irid jitwettaq.
Hija semmiet kif imiss li jitressaq fil-Parlament l-abbozz ta’ liġi dwar l-identità tal-ġeneru.
Hija temmet id-diskors tagħha billi stiednet lill-Partit Nazzjonalista biex kif ikollu mwaqqaf is-sezzjoni LGBTI, jibgħat rapprezentant jew rapprezentanta fuq il-kunsill konsultattiv tal-Gvern.
Photo: WeTransfer link - http://we.tl/tX2AhtfPMy
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en