MALTA GĦALL-EWWEL DARBA TITLOB LILL-QORTI EWROPEA TAL-ĠUSTIZZJA OPINJONI DWAR IL-VALIDITÀ JEW LE TA’ ĊERTU ASPETTI TAL-KONVENZJONI DWAR IL-MANIPULAZZJONI FL-ISPORT
Aktar kmieni llum is-Segretarju Parlamentari José Herrera ħabbar li Malta għall-ewwel darba talbet lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja opinjoni dwar il-validità jew le ta’ ċertu aspetti tal-Konvenzjoni dwar il-Manipulazzjoni fl-isport. Huwa qal dan wara li fid-9 ta’ Lulju, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa approvaw il-proposti favur din il-Konvenzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari qal li Malta, sa mill-bidu nett, qalet li taqbel mal-għanijiet ta’ din il-Konvenzjoni li huma intiżi primarjament biex jikkumbattu l-manipulazzjoni fl-isport. Madanakollu, mill-bidu nett Malta dejjem kellha riservi fuq ċertu dispożizzjonijiet li jmorru lil hinn mill-objettivi u l-iskop tal-Konvenzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari spjega x’kienu l-oġġezzjonijiet ta’ Malta fuq din il-konvenzjoni.
Huwa qal li l-konvenzjoni tgħid li l-imħatri llegali fl-isport għandhom jiġu mifhuma bħala dawk l-imħatri li huma meqjusa llegali skont il-liġi tal-pajjiż tal-konsumatur. “Din id-definizzjoni tista’ tagħti lok għall-operaturi liċenzjati f’Malta li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala llegali minn stati oħra minkejja li jkunu liċenzjati u kkontrollati mill-Awtorità tal-Logħob u l-Lotteriji (LGA) skont il-liġi Maltija. Apparti minn hekk id-definizzjoni ta’ mħatri llegali fl-isports (illegal sports betting) ma timmirax speċifikament għal dawk l-operaturi li huma involuti f’każijiet ta’ frodi fl-isport,” sostna is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari spjega l-passi li ħadet Malta biex id-definizzjoni kif proposta dwar l-imħatri llegali ma tiġix approvata. Qal, li fl-istanding committee fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa f’Baku fit-23 ta’ Mejju, kif ukoll f’laqgħat oħrajn Malta ressqet proposti biex fost l-oħrajn tiġi emendata din id-dispożizzjoni.
“Malta ddikjarat dawn ir-riservi tul in-negozjati tal-Konvenzjoni u s-sena l-oħra kitbet lill-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni Ewropea pparteċipat fin-negozjati u ppruvat tippaċifika l-pożizzjonijiet diversi tal-istati membri. Minkejja dan kollu, id-definizzjoni baqgħet kif inhi”, qal Herrera.
“Għalhekk minħabba f’dawn ir-riservi kollha u l-portata tal-kwistjoni, Malta ddeċidiet li tapplika fil- Qorti tal-Ġustizzja Ewropea għall-opinjoni fit-termini tal-artiklu 218 (11) TFEU. Hawn sabiex tieħu opinjoni dwar jekk l-abbozz tal-Konvenzjoni kontra l-manipulazzjoni tal-isport hija kontra l-prinċipji tas-suq intern tal-Unjoni Ewropea minħabba li din timmira li tirregola l-attivitajiet marbuta mal-logħob tal-azzard,” tenna Herrera. Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li ġie involut l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u ttieħdu ukoll il-pariri minn diversi esperti legali fis-suġġett.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-oġġezzjonijiet ta’ Malta huma tlieta:
1. Avolja Malta hi favur l-iskop dikjarat tal-Konvenzjoni fis-sens li din timmira li trażżan il-manipulazzjoni fl-isport u l-match fixing, jidhrilha li d-definizzjoni ta’ illegal sports betting u materjal anċillari mmirati kontra illegal sports betting mhumiex relatati mal-iskop tal-istess konvenzjoni. Fil-fatt, din id-definizzjoni tirrelata esklussivament għal-liċenzjar u regolamentazzjoni tal-operaturi li mhux fl-iskop tal-Konvenzjoni.
2. Malta jidhrilha wkoll li din id-definizzjoni tmur kontra ir-regoli tat-trattat tal-UE fejn dan għandu x’jaqsam maċ-ċaqliq liberu tas-servizzi. Il-kwistjoni tal-legalità tal-industrija tal-logħob għandha tkun relatata mal-prinċipji fundamentali tal-liġi Ewropea senjatament ma’ dak li huwa neċessarju, ġustifikabbli u pproporzjonat. Minħabba f’hekk, stat membru ma jistax jiddikjara tali servizz ta’ gaming bħala llegali sempliċiment abbażi tal-liġi nazzjonali.
3. Finalment, id-definizzjoni in kwistjoni u materji relatati se jarmonizzaw ir-regolamentazzjoni fl-industrija tal-gaming fuq livell Ewropew meta l-istess UE tramite l-istituzzjonijiet tagħha għadha m’għamlet l-ebda regolamentazzjoni simili. Dan jista’ naturalment jimpatta fuq regolamentazzjoni Ewropea futura f’dan is-settur.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet is-Segretarju Parlamentari qal li l-Gvern qed jieħu bis-serjetà ħafna l-industrija tal-gaming f’Malta li matul dawn l-aħħar snin kibret f’waħda mill-akbar industriji tal-pajjiż. “Il-Gvern iħoss li dment li huwa qed jippromwovi din l-industrija b’mod leġittimu u f’qafas legali, trasparenti u regolarizzat se jibqa’ jagħmel dak kollu neċessarju u jmexxi ’l quddiem din l-industrija,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm fost l-oħrajn preżenti ċ-Chairman Eżekuttiv tal-LGA s-Sur Joseph Cuschieri u d-Deputat Avukat Ġenerali Donatella Frendo Dimech.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en