IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR. EDWARD ZAMMIT LEWIS F’LAQGĦAT IMPORTANTI FI FRANKFURT U MUNICH, IL-ĠERMANJA.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis, għadu kif temm żjara uffiċjali fil-Ġermanja. Il-Ministru akkumpanjat mid-delegazzjoni tiegħu għamlu sensiela ta' laqgħat fl-uffiċini tal-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu u tal-Air Malta fi Frankfurt.
Waqt dawn ż-żjarat il-Ministru Zammit Lewis, iltaqa’ ma’ uffiċjali għolja u ħaddiema li jirrapreżentaw lill-Awtorita' u l-Linja Nazzjonali rispettivament. Waqt il-laqgħat, il-Ministru ddiskuta mill-qrib is-settur tat-Turiżmu fir-reġjuni tal-Ġermanja, Olanda u Benelux, Awstrija, Svizzera, Repubblika Ċeka, Slovakja, Polonja, Ungerija, Russja u pajjiżi Skandinavi. Il-Ministru emfasizza l-importanza għall-ħidma li trid issir biex inkomplu nistabbilizzaw l-istaġonalita' fis-settur u anke li nħarsu lejn prodott turistiku ta' kwalita' aktar għolja. Dan fid-dawl tal-proċess imniedi mill-istess Ministeru il-ġimgħa l-oħra, dik tat-Tourism Policy. Il-laqgħat żvolġew fuq prodotti li ser inkunu qegħdin noffru bħala destinazzjoni fix-xhur tax-xitwa.
Fl-Uffiċini tal-Air Malta ġewwa Frankfurt il-Ministru kellu l-opportunita' jiltaqa' mas-Sur Martin Frendo li huwa l-kap tal-Uffiċċju Rappreżentattiv tal-Air Malta u mal- ħaddiema li jaħdmu fl-istess uffiċċju. Is-Sur Frendo spjega lil Ministru dwar l-operat ta’ l-Air Malta fil-Ġermanja għal kontribut tal-ekonomija tal-pajjiż, partikolarment għas-settur turistiku, minn fejn kull sena l-Linja Nazzjonali ġġorr madwar 100,000 passiġier lejn Malta.
Fil-Ġermanja il-Ministru Edward Zammit Lewis, attenda għal laqgħat kummerċjali fi Munich ma’ operaturi turistiċi li joperaw lejn u minn Malta. Fi Munich il-Ministru għat-Turiżmu għamel żjara fil-Kwartieri Ġenerali ta' wieħed mill-akbar operaturi li joperaw lejn Malta, il-Grupp FTI. Id-delegazzjoni Maltija kienet milqugħa mis-Sur Dietmar Gunz, Direttur Maniġerjali u Kap Eżekuttiv tal-Grupp, fejn dawruhom u spjegawlhom l-operat fil-kumpless tal-grupp. Bħala waħda mill-aktar għodod importanti li juża l-Grupp FTI biex jippromwovi d-destinazzjonijiet li joperaw fihom bħal dik ta' Malta, il-kumpanija għamlet investiment qawwi f'faċilitajiet ta' stazzjon tat-televiżjoni in-house, li jxandar via sattelita kif ukoll online. Huma għadhom kif lestew sett ta' studio ġdid għal trasmissjonijiet propju dedikati għad-destinazzjoni Maltija. Wara ż-żewġ naħat iddiskutew proġetti li l-grupp qiegħed jippjana għas-snin li ġejjin, fosthom biex jiżdiedu n-numru ta' turisti li jiġu jżuruna fix-xhur tax-xitwa. Il-Ministru Edward Zammit Lewis wera s-sodisfazzjon għall-ħidma u l-pjanijiet li għandha l-kumpanija għal prodott turistiku Malti.
Għal dawn il-laqgħat, il-Ministru ghat-Turiżmu kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu is-Sur Josef Formosa Gauci, is-Sur Joseph Galea Direttur tal-Marketing għas-Swieq Internazzjonali u uffiċjali għolja mill-Ministeru għat-Turiżmu.
Il-Ministru flimkien mad-delegazzjoni ħallew il-Ġermanja fi triqithom lejn Londra għall-laqgħat oħra relatati mas-settur turistiku.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en