Left arrow Go Back

It-Tnedija ta’ l-Abbozz ta’ L-istrateĠija Nazzjonali tal-KummerĊ Elettroniku – Diskors minn Dr. Jose’ Herrera, Segretarju Parlamentari gĦall-Kompetittivita’ u tkabbir ekonomiku – 10 ta’ Lulju 2014

pr141555
Date Icon 10/07/2014

Bi pjaċir qiegħed nippreżenta l-abbozz ta’ l-Istrateġija Nazzjonali tal-Kummerc Elettroniku għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.  

Din l-istrateġija ser twassal għal numru ta’ inizzjattivi li l-Gvern qed jipproponi li jwettaq flimkien ma l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (l-MCA) u partijiet oħra interessati matul is-seba’ snin li ġejjin. L-għanijiet prinċipali ta’ din l-istrateġija huma li jmexxu l-quddiem l-użu tal-kummerċ elettroniku min-negozji Maltin u li jinkoraġġixxu intrapriżi relatati ma’ l-eCommerce sabiex jistabilixxu l-kummerċ tagħhom f’Malta. 

Illum il-bejgħ permezz tal-internet qed jiżdied b’rata medja ta’ aktar minn 18% fis-sena – figura impressjonati meta nqisu li n-negozju permezz ta’ mezzi oħra qiegħed jikber biss b’1.3% fis-sena. Kważi nofs il-Maltin qegħdin jixtru permezz tal-internet u kif semma l-Prim Ministru fid-diskors tiegħu nhar il-Ħamis,  in-nefqa minn fuq siti elettroniċi is-sena l-oħra, bbażata fuq l-użu ta’ Paypal, tammonta għal €66 miljun. Żieda impressjonanti meta tqis illi fl-2009 din kienet tammonta għal ftit inqas minn €33 miljun. Dawn l-istatistici huma xiehda ta’ kemm hu attrajenti ix-xiri min fuq l-internet.  Il-ħasra hi li ammont verament żgħir ta’ Maltin jixtru minn siti lokali.  

Dan il-fatt żgur li ma jissorprendi lil ħadd, l-anqas ma’ hi ta’ sorpriża li naraw li 12% biss tal-intraprizi f’Malta ibiegħu permezz ta’ l-internet. Nafu li l-industrija lokali tiffaċja sfidi partikolari għal pajjizna fosthom id-daqs tas-suq lokali. 

Il-konsegwenzi ta’ sitwazzjoni bħal din għandhom ikunu  ovvji għal kulħadd. M’għandniex il-lussu li nistennew sabiex nilqgħu din l-isfida.  Jekk ma nieħdux passi mil-lum, m’għandix dubju li jkun tard wisq. 

Għaldaqstant, nitħasseb ferm meta nara li studju li għamlet l-Awtorita’ dwar il-Komunikazzjoni juri li 61% tal-kummerċjanti Maltin qalu li ma jbiegħux fuq l-internet għax il-prodott tagħhom mhux idonju għal dan is-suq.  Ma’ dan kollu, jekk wieħed jidħol fuq l-internet isib jixtri kull xorta ta’ prodotti u servizzi.  Ma nistawx ma nieħdux passi meta naraw li l-maġġoranza ta’ siti Maltin mhux talli ma joffrux il-faċilita’ biex wieħed jixtri direttament minn fuq is-sit, lanqas biss joffru katalogu tal–prodotti għall-bejgħ u wisq anqas il-prezzijiet tagħhom. 

Naf illi din hija realtà li qed jiffaċċjaw il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dan jikkonferma li din mhix xi sfida li nistgħu nindirizzaw bi ftit miżuri l-hemm u l-hawn.  

Din hija sfida li tenħtieġ strateġija ambizjuża u fit-tul, li titfassal f’kuntest wiesa’ fil-waqt li tibni fuq numru ta’ miżuri konkreti li kollha jikkontribwixxu għal miri speċifiċi.  Għaldaqstant, din l-istrateġija tqis li tindirizza l-miri li ġew identifikati fl-istrateġija nazzjonali diġitali li l-Prim Ministru nieda xi xhur ilu. 

l-ewwelnett, bla ebda dubju, kull negozju irid iqis b’reqqa kbira kif tolqtu din ir-realtà, u jittrasforma ruħu sabiex jilqà għalija.  Għalhekk din l-istrateġija tipproponi numru ta’ miżuri maħsuba biex jgħinu l-intrapriżi jgħaddu minn din il-bidla.  Dan mhux b’kapriċċ iżda għax b’hekk biss l-intrapriżi tal-lum jistgħu jassiguraw li ser ikunu għadhom joperaw għada. 

Din l-istrateġija tmur lil hinn minn hekk u taħseb ukoll għal miżuri li jgħinu lil dawk l-intrapriżi ġodda li qed jiġu stabilliti biex joperaw direttament f’dan il-qasam.  Taħseb ukoll f’dawk is-setturi li għandhom potenzjal li jiggwadanjaw u jikbru permezz tal-kummerċ elettroniku. 

Riċentament wessajna ir-rwol ta’ l-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni sabiex tkun tista’ tieħu passi biex tiżviluppa dawk is-setturi li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tagħha, fosthom dak tal-kummerc elettroniku. B’konsegwenza tà dan, l-Awtorità setgħet mill-ewwel tibda l-ħidma tagħha u b’kollaborazzjoni mal-Kunsill tas-Snajjà, dalwaqt se tkun qiegħda tikkummisjona studju li se jkun intenzjonat biex jiżviluppa pjan speċifiku ta’ azzjoni relatat mal-kummerċ elettroniku, għal din l-industrija. Barra minn hekk, l-Awtorità qiegħda taħdem ukoll flimkien ma’ l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, u l-Malta Enterprise sabiex jitfaslu pjanijiet ta’ azzjoni speċifikament għal dan is-settur. 

Kif diġa għedt, permezz ta’ din l-istrateġija, aħna rridu nipprovdu n-negozjanti bir-riżorsi neċessarji sabiex dawn ikunu jistgħu jikkapitalizzaw mill-opportunitajiet li jġib miegħu il-kummerċ elettroniku.  Irridu ukoll  nassistu lil dawk l-industriji fejn l-eCommerce jippreżenta opportunità reali għall-żvilupp u espansjoni. 

Biex nilħqu dan l-oġġettiv, l-għajnuna tal-partijiet interessati hija neċessarja. Kif tafu, fil-bidu ta’ dan l-eżerċizzju, saru l-ewwel laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati. F’dan il-punt, nixtieq nieħu l-opportunità sabiex nirringrazzja lil dawk kollha li diġa taw il-kontribut tagħhom. Dan  kien il-bażi li fuqu ġiet fformulata din l-istrateġija.  Issa f’din it-tieni fażi ta’ konsultazzjoni, qiegħed nistedinkhom sabiex twasslulna l-opinjonijiet tagħkom dwar dan l-abbozz, filwaqt li nitlobkhom sabiex tkomplu tipparteċipaw bis-sħiħ f’dan l-eżerċizzju importanti. 

Nagħlaq billi nirringrazzja lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni għax-xogħol li sar sabiex titfassal din l-istrateġija, u mill-ġdid, nirringrazzja lilkhom kollha għall-għajnuna kostruttiva li tajtu u li jien ċert li se tkomplu tagħtu.  Il-mira tiegħi hi li mhux aktar tard minn Settembru nippublikaw l-istrateġija finali, u nissoktaw bis-sħih bl-implementazzjoni tagħha.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow