Left arrow Mur Lura

IL-KUNSILL KONSULTATTIV GĦALL-INTRAPRIŻA JIDDISKUTI L-OPPORTUNITAJIET U L-ISFIDI TA’ GĦAWDEX

pr141554
Date Icon 10/07/2014

Matul it-tieni laqgħa tal-kunsill konsultattiv għall-Intrapriża, li tlaqqa’ fil-Ministeru għal Għawdex, kienet diskussa l-ħidma li saret, qed isir u dak li hemm bżonn isir biex ikompli jkun msaħħaħ ir-rwol ta’ Għawdex fl-ekonomija tal-pajjiż. Il-kunsill konsultattiv kien indirizzat fost l-oħrajn mill-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr Chris Cardona u l-Ministru għal Għawdex, Dr. Anton Refalo.

Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona qal li l-irwol ta’ Għawdex fis-suċċess ta’ pajjiżna huwa rwol li dan il-Gvern beda mill-ewwel jagħtih l-importanza mistħoqqa.

“Għawdex għandhu ħafna x’jofri u ċerti li bl-inizjattivi li bdejna nieħdu u li ser inkomplu nieħdu, ser tingħata opportunità biex Għawdex ikompli jimmassimiżża il-potenzjal tiegħu” sostna l-Ministru Cardona.

Dr. Chris Cardona qal li t-tliet prioritajiet tal-Gvern f’Għawdex huma: il-ħolqien tax-xogħol, it-tnedija ta’ numru ta’ proġetti ġodda għal Għawdex u li Għawdex jitpoġġa fuq il-mappa internazzjonali għall-investituri u t-turisti.

Il-Ministru Cardona qal li matul is-sena li għaddiet, il-Malta Enterprise bdiet kampanja sabiex tattira investiment dirett barrani lejn Għawdex. “Dan qiegħed isir b’ mod innovattiv u mhux qed inħarsu lejn Għawdex bħala estenzjoni marġinali ta’ Malta; qed jiġu enfasizzati l-vantaġġi kompetittivi li l-gżira ta’ Għawdex jista’ jkollha bħala attrazzjoni għall-investiment dirett barrani” qal Dr. Chris Cardona.

Qed jittieħed ukoll bis-serjetà x-xogħol artiġġjanali Għawdxi, fejn il-Malta Enterprise flimkien mal-Kunsill Malti għall-Artiġġjanat, introduċa sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-artiġġjanat li huwa ġenwinament Għawdxi, liema ċertifikat il-produtturi jistgħu jesibixxu biex il-klijent ikun jaf li qed jixtri prodott artiġġjanali ġenwin u Għawdxi. Hawn il-Ministru Cardona semma l-fiera għall-artiġġjanat li mistenni tittella’ f’Awissu li ġej, b’kollaborazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ Ministeri, il-Kunsill għall-Artiġġjanat u Malta Enterprise.

Il-Ministru Cardona semma’ wkoll il-ħidma tal-Malta Industrial Park, l-inċentivi offruti mill-Malta Enterprise u l-istudju dwar il-possibbiltà ta’ fibre optic cable bejn Malta u Għawdex.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex, Dr. Anton Refalo qal li dan il-kunsill inħoloq sabiex iservi ta’ pjattaforma biex jinstema’ aħjar il-leħen tal-intrapriżi żgħar u medji, u sabiex jiġi inkoraġġut iktar djalogu u koperazzjoni magħhom.

“L-ekonomija ta’ Għawdex hija distinta u unika u għaldaqstant dan ifisser li hemm bżonn ta’ inizjattivi u miżuri li jkunu partikulari għal Għawdex” saħaq il-Ministru Refalo.  Il-Ministru t’Għawdex fakkar li diġà daħħlu fis-seħħ miżuri konkreti f’dan ir-rigward.  Twettaq impenn li jinstab fil-programm politiku tal-Gvern sabiex jingħata start-up credit ta’ €50,000 fuq l-ispejjeż inkorsi fl-ewwel 3 snin tal-operat ta’ intrapriża ġdida ġewwa Għawdex.  L-inċentiv għall-industriji li jiftħu f’ Għawdex huwa ferm iktar favorevoli minn dawk li jiftħu Malta, li huma eliġibbli biss għal €30,000.

Ġiet implimentata miżura oħra favur dawk l-intrapriżi żgħar (mikro-industriji li jimpjegaw sa 30 ruħ u self-employed)  diġà  mwaqqfa u li jkunu jridu jinnovaw, jespandu, jiżviluppaw l-operat tagħhom jew jimplimentaw compliance directives.  Lill-intrapriżi bħal dawn il-Malta Enterprise tagħthom tax credit ta’ 45% tal-ispejjeż li jkunu qed jagħmlu jekk jiftħu f’Malta u 65 % jekk jiftħu f’Għawdex sa €30,000.

Il-Ministru t’Għawdex kompla li fuq bosta livelli l-Gvern qed jaħdem fuq pjan ħolistiku li filwaqt li jassigura li fuq livell ‘Macro’ l-ekonomija ta’ pajjizna timxi ‘il quddiem, tassigura li fuq livell ‘Micro’ ħadd ma jaqa’ lura.  B’referenza għall-istatistika tal-Kummisjoni Ewropeja fuq Small and Medium Enterprises (SME’s) fejn ġewwa pajjiżna insibu ‘l fuq minn 35,000 intrapriża u dawn iħaddmu 87,800 persuni.  Malta hija allura a small business economy.

Il-Ministru Refalo jemmen li l-potenzjal ekonomiku ta’ Għawdex huwa ikbar mil-qagħda preżenti. Biex titkabbar l-ekonomija Għawdxija hemm bżonn li tittejjeb  l-infrastruttura, jinċentivaw l-investiment barrani u jiftħu siti minn fejn l-SME’s joperaw.

“L-ekonomija ta’ Għawdex hija distinta u unika. Ekonomija żgħira imma fl-istess nifs toffri opportunitajiet kbar għall-investiment kemm mill-investitur lokali kif ukoll dak barrani. Dan ifisser li hemm bżonn ta’ inizjattivi u miżuri li jkunu partikulari għal Għawdex,” qal Anton Refalo.

‘F’dan l-isfond, kompla l-Ministru t’Għawdex, ‘qegħdin naħdmu mal-istakeholders varji biex nassiguraw li nagħmlu l-qabża ta’ kwalità li hemm bżonn. Il-ħidma bdiet sa mill-bidu ta’ din il-leġislatura.’

Anton Refalo saħaq li trid titkompla l-ħidma biex jittaffu l-piżijiet fuq l-intrapriżi, titnaqqas il-burokrazija li xxekkel l-investiment filwaqt li nassiguraw tkabbir ekonomiku sostenibli għall-pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow