IL-KUNSILL KONSULTATTIV GĦALL-INTRAPRIŻA JIDDISKUTI L-OPPORTUNITAJIET U L-ISFIDI TA’ GĦAWDEX
Matul it-tieni laqgħa tal-kunsill konsultattiv għall-Intrapriża, li tlaqqa’ fil-Ministeru għal Għawdex, kienet diskussa l-ħidma li saret, qed isir u dak li hemm bżonn isir biex ikompli jkun msaħħaħ ir-rwol ta’ Għawdex fl-ekonomija tal-pajjiż. Il-kunsill konsultattiv kien indirizzat fost l-oħrajn mill-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr Chris Cardona u l-Ministru għal Għawdex, Dr. Anton Refalo.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona qal li l-irwol ta’ Għawdex fis-suċċess ta’ pajjiżna huwa rwol li dan il-Gvern beda mill-ewwel jagħtih l-importanza mistħoqqa.
“Għawdex għandhu ħafna x’jofri u ċerti li bl-inizjattivi li bdejna nieħdu u li ser inkomplu nieħdu, ser tingħata opportunità biex Għawdex ikompli jimmassimiżża il-potenzjal tiegħu” sostna l-Ministru Cardona.
Dr. Chris Cardona qal li t-tliet prioritajiet tal-Gvern f’Għawdex huma: il-ħolqien tax-xogħol, it-tnedija ta’ numru ta’ proġetti ġodda għal Għawdex u li Għawdex jitpoġġa fuq il-mappa internazzjonali għall-investituri u t-turisti.
Il-Ministru Cardona qal li matul is-sena li għaddiet, il-Malta Enterprise bdiet kampanja sabiex tattira investiment dirett barrani lejn Għawdex. “Dan qiegħed isir b’ mod innovattiv u mhux qed inħarsu lejn Għawdex bħala estenzjoni marġinali ta’ Malta; qed jiġu enfasizzati l-vantaġġi kompetittivi li l-gżira ta’ Għawdex jista’ jkollha bħala attrazzjoni għall-investiment dirett barrani” qal Dr. Chris Cardona.
Qed jittieħed ukoll bis-serjetà x-xogħol artiġġjanali Għawdxi, fejn il-Malta Enterprise flimkien mal-Kunsill Malti għall-Artiġġjanat, introduċa sistema ta’ ċertifikazzjoni għall-artiġġjanat li huwa ġenwinament Għawdxi, liema ċertifikat il-produtturi jistgħu jesibixxu biex il-klijent ikun jaf li qed jixtri prodott artiġġjanali ġenwin u Għawdxi. Hawn il-Ministru Cardona semma l-fiera għall-artiġġjanat li mistenni tittella’ f’Awissu li ġej, b’kollaborazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ Ministeri, il-Kunsill għall-Artiġġjanat u Malta Enterprise.
Il-Ministru Cardona semma’ wkoll il-ħidma tal-Malta Industrial Park, l-inċentivi offruti mill-Malta Enterprise u l-istudju dwar il-possibbiltà ta’ fibre optic cable bejn Malta u Għawdex.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex, Dr. Anton Refalo qal li dan il-kunsill inħoloq sabiex iservi ta’ pjattaforma biex jinstema’ aħjar il-leħen tal-intrapriżi żgħar u medji, u sabiex jiġi inkoraġġut iktar djalogu u koperazzjoni magħhom.
“L-ekonomija ta’ Għawdex hija distinta u unika u għaldaqstant dan ifisser li hemm bżonn ta’ inizjattivi u miżuri li jkunu partikulari għal Għawdex” saħaq il-Ministru Refalo. Il-Ministru t’Għawdex fakkar li diġà daħħlu fis-seħħ miżuri konkreti f’dan ir-rigward. Twettaq impenn li jinstab fil-programm politiku tal-Gvern sabiex jingħata start-up credit ta’ €50,000 fuq l-ispejjeż inkorsi fl-ewwel 3 snin tal-operat ta’ intrapriża ġdida ġewwa Għawdex. L-inċentiv għall-industriji li jiftħu f’ Għawdex huwa ferm iktar favorevoli minn dawk li jiftħu Malta, li huma eliġibbli biss għal €30,000.
Ġiet implimentata miżura oħra favur dawk l-intrapriżi żgħar (mikro-industriji li jimpjegaw sa 30 ruħ u self-employed) diġà mwaqqfa u li jkunu jridu jinnovaw, jespandu, jiżviluppaw l-operat tagħhom jew jimplimentaw compliance directives. Lill-intrapriżi bħal dawn il-Malta Enterprise tagħthom tax credit ta’ 45% tal-ispejjeż li jkunu qed jagħmlu jekk jiftħu f’Malta u 65 % jekk jiftħu f’Għawdex sa €30,000.
Il-Ministru t’Għawdex kompla li fuq bosta livelli l-Gvern qed jaħdem fuq pjan ħolistiku li filwaqt li jassigura li fuq livell ‘Macro’ l-ekonomija ta’ pajjizna timxi ‘il quddiem, tassigura li fuq livell ‘Micro’ ħadd ma jaqa’ lura. B’referenza għall-istatistika tal-Kummisjoni Ewropeja fuq Small and Medium Enterprises (SME’s) fejn ġewwa pajjiżna insibu ‘l fuq minn 35,000 intrapriża u dawn iħaddmu 87,800 persuni. Malta hija allura a small business economy.
Il-Ministru Refalo jemmen li l-potenzjal ekonomiku ta’ Għawdex huwa ikbar mil-qagħda preżenti. Biex titkabbar l-ekonomija Għawdxija hemm bżonn li tittejjeb l-infrastruttura, jinċentivaw l-investiment barrani u jiftħu siti minn fejn l-SME’s joperaw.
“L-ekonomija ta’ Għawdex hija distinta u unika. Ekonomija żgħira imma fl-istess nifs toffri opportunitajiet kbar għall-investiment kemm mill-investitur lokali kif ukoll dak barrani. Dan ifisser li hemm bżonn ta’ inizjattivi u miżuri li jkunu partikulari għal Għawdex,” qal Anton Refalo.
‘F’dan l-isfond, kompla l-Ministru t’Għawdex, ‘qegħdin naħdmu mal-istakeholders varji biex nassiguraw li nagħmlu l-qabża ta’ kwalità li hemm bżonn. Il-ħidma bdiet sa mill-bidu ta’ din il-leġislatura.’
Anton Refalo saħaq li trid titkompla l-ħidma biex jittaffu l-piżijiet fuq l-intrapriżi, titnaqqas il-burokrazija li xxekkel l-investiment filwaqt li nassiguraw tkabbir ekonomiku sostenibli għall-pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en