JOINT VENTURE BEJN MALTA U Ċ-ĊINA BIEX ISIR INVESTIMENT F'PAJJIŻ EWROPEW
Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li Malta u ċ-Ċina qegħdin jaħdmu fuq joint venture biex isir investiment f'pajjiż Ewropew fil-qasam tal-Enerġija rinovabbli, pannelli solari u oqsma oħra fl-Enerġija.
Il-Prim Ministru qal dan fi tmiem laqgħa bilaterali li kellu mal-Viċi President taċ-Ċina Li Yuanchao llum f'Guiyang, waqt it-tieni jum taż-żjara tiegħu fiċ-Ċina, lejliet li l-Prim Ministru jindirizza l-Eco Forum li qed isir f'din il-Belt.
Dr Muscat qal li wasal iż-żmien li pajjiżna mhux biss jiġbed l-investiment lejħ imma jara kif jinvesti hu nnifsu. Dan jista' jseħħ permezz tal-joint venture ma' kumpanija Ċiniza fil-qasam tal-Enerġija.
Il-Prim Ministru qal li dan huwa l-mod konkret li biha pajjiżna qed jaħdem mat-tieni l-ikbar ekonomija fid-dinja filwaqt li sostna li pajjiżi Ewropej oħrajn qed isegwu fuq dawn il-passi.
Malta bażi loġistika
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li għaddejjin negozjati wkoll għal investiment Ċiniz li qed iħarsu lejn Malta bħala bażi loġistika. Sostna li qed isiru negozjati dwar dan u pajjiżna qed iħejji politika biex Malta tkun bażi għal-loġistika fil-Mediterran. Qal li jezistu proposti konkreti dwar dan l-investiment biex Malta jkollha mhux biss Freeport imma anke Freetrade zones għal skopijiet loġistiċi.
Konsulat Ġenerali f'Shanghai
Fi tmiem il-laqgħa mal-Viċi President taċ-Ċina l-Prim Ministru ħabbar ukoll li Malta se jkollha Konsulat Ġenerali fil-Belt ta' Shanghai li hija ċ-ċentru finanzjarju u kummerċjali ewlieni fiċ-Ċina. Il-ħsieb huwa li l-konsolat f'Shanghai jitmexxa mis-Sinjura Sai Mizzi Liang. Il-Prim Ministru qal li l-investiment permezz ta' iktar riżorsi fiċ-Ċina qed iħalli l-frott permezz tas-sinerġija li teżisti bejn il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Ministeru tal-Affarijiet Ewropej u l-isforzi li qed tagħmel l-Ambaxxata ta' Malta fiċ-Ċina flimkien mas-Sinjura Mizzi Liang.
Waqt il-laqgħa ma' Li Yuanchao l-Prim Ministru semma' wkoll l-importanza li Malta qed tagħti lill-tkabbit fil-qasam marittimu magħruf bħala Blue Growth. Dan jagħqad mat-tema ta' Green Silk Road li huwa koperazzjoni kummerċjali bejn il-pajjiżi tal-Asja u l-Ewropa.
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, ic-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, id-Deputat Parlamentari Deo Debattista u Sai Mizzi Liang qed jakkumpanjaw lill-Prim Ministru fid-delegazzjoni waqt iż-żjara fiċ-Ċina.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en