IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN, DR. GEORGE W. VELLA JINDIRIZZA L-LAQGĦA TAL-AMBAXXATURI MHUX RESIDENTI
Waqt il-laqgħa annwali mal-Ambaxxaturi għal Malta mhux residenti, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dr. George W.Vella, spjega l-irwol importanti li għandu l-Ambaxxatur mhux residenti minkejja li m’għandux rappreżentanza permanenti fil-pajjiż partikolari.
Dr. Vella qal li l-irwol ta’ Ambaxxatur mhux residenti hu li jippromwovi lil Malta u li jagħmel il-kuntatti neċessarji għall-ġid tal-pajjiż. Fuq dan il-punt, il-Ministru Vella rrimarka kif Malta hija pajjiż li faċilment tista’ tippromwovih, hekk kif fl-aħħar snin, minkejja l-isfidi globali u fl-Ewropa, Malta baqgħet pajjiż b’saħħtu u bi stabbiltà ekonomika.
Dr. Vella qal li minkejja li Ambaxxatur mhux residenti m’għandux ambaxxata fil-pajjiż partikolari, illum permezz tat-teknoloġija u l-internet, min irid jagħmel xogħol effettiv jista’ jagħmel dan. Il-Ministru Vella rrimarka kif hemm numru ta’ Ambaxxaturi mhux residenti li fl-aħħar snin varaw proġetti li sarrfu ġid għall-pajjiżna.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin qal li fil-pajjiżi fejn m’hemmx ambaxxata hemm potenzjal li, kemm-il darba jsir xogħol bis-serjetà, ma jkunx eskluż li jekk huwa ta’ ġid għall-pajjiż, il-Gvern jiddeċiedi li jiftaħ ambaxxata permanenti f’dak il-pajjiż.
Dr.Vella qal li minkejja l-limiti ta’ riżorsi finanzjari, qed jistieden lill-Ambaxxaturi mhux residenti biex jersqu ’l quddiem b’inizjattivi u proġetti li jistgħu jkunu ta’ gwadann għal pajjiżna.
Il-Ministru Vella spjega kif il-laqgħa annwali mal-Ambaxxaturi mhux residenti hija importanti, u ma jeskludix li fil-futur din il-laqgħa titlaqqa’ għal iktar minn darba fis-sena. Dr. Vella saħaq li huwa importanti għal kull Ambaxxatur li jagħraf il-politika partikolari tal-Gvern u l-għanijiet li jridu jintlaħqu.
Dr.Vella spjega kif il-laqgħa annwali se tkun qed tindirizza għadd ta’ suġġetti ta’ importanza, fosthom is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-programm ta’ għajnuna lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, is-Summit taċ-CHOGM li se jiġi organizzat f’Malta s-sena d-dieħla, u l-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea fis-sena 2017.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en