IL-KĊINA TA’ SAN VINĊENZ SER TITWAQQA’ U TINBENA MILL-ĠDID – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA JUSTYNE CARUANA
F’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa ir-Residenza San Vinċenz, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana ħabbret li il-Gvern ser ikun qiegħed jagħlaq il-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paul u jibni waħda ġdida wara li din il-kċina ġiet iċċertifikata li għanda livelli below standard li setgħu jikkaġunaw problemi ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema. Dan ġie kkonfermat ukoll minn rapport professjonali li ġie kkumissjonat apposta.
Is-Segretarju Parlamentari qalet li il-Gvern huwa kommess li jwettaq il-wegħda elettorali tiegħu, dik li “Inkomplu intejbu s-servizzi u l-Infrastruttura fir-Residenza San Vinċenz de Paul.” Dr Caruana qalet li bħalissa għaddej proċess biex jiġi meħud rendikont ta’ kull sezzjoni fir-Residenza.
Dr Justyne Caruana sostniet li l-kċina kienet waħda mill-aktar problema inkwetanti, peress li ma toffrix livelli tajbin ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema u għax hemm health hazards. Tenniet tgħid li l-Gvern wiret problemi li ilhom jakkumulaw diversi snin u fil-fatt fir-rapporti jingħad li kienu ilhom jakkumulaw għexieren ta’ snin. Skont ir-rapporti ħareġ biċ-ċar li kien hemm ħtieġa ta’ xogħol ta’ rinovazzjoni totali tal-faċilitajiet tal-kċina. Ir-Rapport tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali saħansitra jgħid li din il-kċina hija ta’ Grad F u li hemm 61.30% risk factor.
Is-Segretarju Parlamentari kompliet tgħid li fid-dawl ta’ dan ir-rapport, ġiet meħuda id-deċiżjoni li tingħalaq il-kċina eżistenti u s-Segretarjat jimbarka fuq proġett ta’ kċina kompletament ġdida.
“Biex jiġi assigurat kontinwità tal-provista tal-ikel, ser jingħata kuntratt proviżorju approvat mill-kumitat ġenerali tal-kuntratti biex l-anzjani residenti jibqgħu bl-istess menu li ġie mniedi ftit tax-xhur ilu mill-istess Segretarjat Parlamentari. Sadanttant, għaddejja wkoll ħidma fuq tender għal dan il-proġett tal-kċina l-ġdida,” sostniet is-Segretarju Parlamentari.
Is-Segretarju Parlamentari ikkonkludiet tgħid li dan il-proċess ġie deċiz b’diskussjonijiet mal-Unjins ikkonċernati kif ukoll mal-ħaddiema, apparti li kien hemm rispons pożittiv u kollaborazzjoni sħiħa mingħandhom. Hi assigurat li ħadd mill-ħaddiema preżenti mhu ser jitlef xogħlu.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en