IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN DR GEORGE VELLA JINDIRIZZA L-KONFERENZA DWAR IL-PROGRAMM TAL-PRESIDENZA TALJANA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Waqt konferenza li ttrattat il-Programm tal-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George W. Vella faħħar il-programm ‘A Fresh Start’ tal-Presidenza Taljana, b’effett mill-ewwel ta’ Lulju li għadda. Il-Ministru ddeskriva dan il-programm bħala wieħed dettaljat li qed jagħmel tentattiv serju li jindirizza l-isfidi kbar li għandha l-Unjoni Ewropea. Dr Vella faħħar d-determinazzjoni li qed juri il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi li l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew verament tħoss il-polz taċ-ċittadin Ewropew, u li b’mod pożittiv jagħmel tentattiv qawwi li l-Presidenza Taljana timmarka differenza.
Il-Ministru Vella qal li għandu ħeġġa għall-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew, hekk kif Malta u l-Italja, bħala pajjiżi fil-Mediterran ċertament jifhmu lil xulxin, u l-isfidi li huma mdawrin bihom.
Dr Vella semma kif wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Presidenza Taljana qed twassal messaġġ ċar dwar l-iskuntentizza taċ-ċittadini Ewropej bl-aktar mod speċjali fuq il-qgħad fl-Unjoni Ewropea, is-sitwazzjoni ekonomika, kif ukoll li l-popli Ewropej qed iħossuhom ‘l bogħod mit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea. Dr Vella rrimarka kif il-Prim Minsitru Renzi qed juri rieda soda li jindirizza dawn l-isfidi.
Il-Ministru Vella semma wkoll il-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari, sfida li ċertament tinħass mill-Italja u minn Malta. Dr Vella qal li jinsab impressjonat bid-determinazzjoni tal-Gvern Taljan li jindirizza b’mod effettiv din l-isfida kbira, fosthom ukoll bil-proġett Ewropew Mare Nostrum li qed jiswa mal-għaxar miljun Ewro fix-xahar biex jibqa’ jopera. Dr Vella qal li wieħed ma jridx jindirizza biss l-isfida immedjata tal-immigrazzjoni irregolari, iżda kif dan il-fenomenu jiġi mibdul għal wieħed pożittiv u jinstab mod kif dan jikkontibiwixxi għall-ekonomija tal-Ewropa.
Dr Vella semma d-diversi sfidi li mistennija tindirizza l-Presidenza Taljana fosthom kif se jiġu maħluqa l-impjiegi, tissaħħaħ il-kompetittività industrijali, u li jiġi indirizzat il-faqar.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en