IL-KUNSILL KONSULTATTIV GĦAN-NAĦA TA’ ISFEL TA’ MALTA GĦANDU JKUN SIEĦEB EWLIENI FIT-TWETTIEQ TAL-POLITIKA FFUKATA FUQ IN-NOFSINHAR TAL-PAJJIŻ – SILVIO PARNIS
Il-Kunsill Konsultattiv għan-naħa ta’ isfel ta’ Malta kellu laqgħa mal-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dr. Helena Dalli.
Iċ-Chairman tal-Kunsill Silvio Parnis esprima l-apprezzament tiegħu għall-fiduċja li l-Ministeru mmexxi mill-Ministru Dalli qiegħed juri fil-ħidma tal-Kumitat Konsultattiv għan-nofsinhar ta’ Malta.
Matul din il-laqgħa kien ppreżentat rapport preliminari ta’ proposti intiżi biex jirriġeneraw in-naħa ta’ isfel ta’ Malta. Dawn il-proposti jkopru firxa wiesgħa ta’ oqsma fosthom is-settur soċjali, edukattiv, tas-saħħa kif ukoll dak kummerċjali, partikolarment il-potenzjal turistiku fl-inħawi.
”Dawn il-proposti huma riżultat ta’ sigħat twal ta’ laqgħat mal-istakeholders ewlenin. Dan ir-rapport preliminari ma jfissirx it-tmiem ta’ dan il-proċess konsultattiv. Għal kuntrarju dan ir-rapport se jservi bħala bażi li permezz tiegħu se nkunu f’pożizzjoni li nistimulaw aktar diskussjoni” saħaq id-Deputat Silvio Parnis.
Kien hawn li saret stedina lill-Ministru Dalli biex tieħu sehem f’seminar konsultattiv li l-Kunsill qed jippjana li jorganizza bit-tema’ ‘Promoting Sustainable Tourism in the Southern Part of Malta’.
Matul il-laqgħa kienet diskussa wkoll il-ħidma ffukata fuq proċess konsultattiv li mistenni jieħu l-forma ta’ kampanja informattiva u parteċipattiva.
“Nixtiequ li nisimgħu aktar x’għandhom xi jgħidu r-residenti fil-lokalitajiet. Irridu nisimgħu dwar l-isfidi, il-problemi u l-inkonvenjenti li kellhom jiffaċċaw matul is-snin. Però fuq kollox, irridu nisimgħu l-pożittività, irridu nisimgħu kif huma jaħsbu li l-affarijiet għandhom imorru għall-aħjar, kif nagħmlu l-aħjar użu tal-ħiliet tagħhom u tal-wirt storiku fiż-żona fost l-oħrajn” tenna ċ-Chairman Silvio Parnis.
Silvio Parnis temm jgħid li l-Kunsill jista’ jkun sieħeb ewleni għall-Ministeri fit-twettieq tal-politika ffukata fuq in-nofsinhar tal-pajjiż.
“Ħdimna, se nkomplu naħdmu u hemm potenzjal kbir biex nagħmlu l-ġid u fuq kollox nagħtu spinta lil din iż-żona biex negħlbu d-distinzjoni inġusta li kien hemm matul is-snin” temm jgħid id-Deputat Silvio Parnis.
Min-naħa tagħha l-Ministru Helena Dalli esprimiet l-apprezzat tagħha għall-ħidma li saret fuq dan ir-rapport preliminari li għandu jservi bħala roadmap għar-riġenerazzjoni u l-iżvilupp tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en