IR-RIFORMA KOMPRENSIVA TAL-IMMIGRAZZJONI FUQ L-AĠENDA TAL-ASSEMBLEA PARLAMENTARI TAL-OSCE
Il-Membri Parlamentari tal-OSCE li ltaqgħu f’Baku, l-Ażerbajġan mit-28 ta’ Ġunju sat-2 ta’ Lulju 2014 għat-23 Sessjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) iddiskutew il-ħtieġa ta' riforma sħiħa dwar l-immigrazzjoni kemm fuq livell ta' Unjoni Ewropea kif ukoll mal-pajjiżi ta' oriġini u transitorji. F’riżoluzzjoni relatata huma appellaw lill-pajjiżi Membri tal-OSCE, b’mod speċjali dawk Membri tal-UE biex jikkommettu ruħhom għall-politika ta’ solidarjetà mar-rifuġjati u li jaqsmu r-responsabbilta' bejniethom f’dan il-qasam. Din ir-riżoluzzjoni rrikonoxxiet li atturi fix-xena nternazzjonali bħalma huma l-OSCE u l-UE ma jistgħux jinjoraw il-konsegwenzi umanitarji li qed jinħassu bħala riżultat tal-kriżi fil-Mediterran.
F’diskussjoni oħra, l-Parlamentari tal-OSCE laqgħu l-proċess ta’ Helsinki + 40 bħala opportunità ta’ reviżjoni ta’ kif qed jiġu mwettqa l-obbligi fl-oqsma umanitarji tal-OSCE, bħalma huma d-dritt ta’ laqgħat fil-miftuħ, id-dritt tal-media u tal-espressjoni ħielsa, prinċipji demokratiċi, l-primat tal-liġi u t-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni u biex jiġu eżaminati zviluppi rigressivi f’dawn l-oqsma.
Fost l-oħrajn dawk preżenti ddiskutew fuq suġġetti bħalma huma l-ġlieda kontra t-tortura, il-kontrol demokratiku fuq is-settur tas-sigurtà kemm dak pubbliku kif ukoll dak privat, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, prevenzjoni u prosekuzzjoni kontra t-traffikar tat-tfal għall-abbużi sesswali, kif ukoll il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet soċjo-ekonomiċi fir-reġjun kollu tal-OSCE.
Diskussjoni oħra mportanti kienet dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna wara l-iżviluppi li seħħew fir-Reġjun tal-Crimea. Finalment l-Assemblea Parlamentari appellat għal soluzzjoni fir-rispett tad-diversi prinċipji tal-OSCE.
Id-delegazzjoni Maltija li ħadet sehem f’din is-sessjoni kienet immexxija mill-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia. Il-membri l-oħra tad-delegazzjoni Maltija kienu l-Membru Parlamentari Carmelo Abela u r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-OSCE, l-Ambaxxatur Keith Azzopardi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en