Left arrow Mur Lura

DEHEB U FIDDA GĦAT-TIMIJIET MALTIN FIL-KAMPJONATI FIBA TA’ TAĦT IS-16-IL SENA

pr141521
Date Icon 06/07/2014

Il-bieraħ niżel is-siparju fuq grupp C tal-kampjonati FIBA ta’ taħt is-16-il sena li saru f’Malta. Kompetizzjoni li rat lit-timijiet Maltin jibbrillaw.  Filfatt it-tim tal-ġuvintur rebaħ il-midalja tad-deheb filwaqt li dak tat-tfajliet rebaħ dik tal-fidda.  


It-tim tal-ġuvintur, taħt it-tmexxija ta’ Gabriele Alesse, rebaħ il-ħames logħbiet li lagħab.  Filfatt fetaħ il-kompetizzjoni b’rebħa fuq Andorra 63-61 u wara rebaħ lil Wales 65-46.  Malta rreġistrat it-tielet rebħa li kienet waħda minima fuq San Marino u kellu jkun Alec Felice Pace li jiskorja meta kien għad fadal sekondi biex tispiċċa l-logħba.  Malta għelbet  mingħajr ebda diffikulta lil Ġibilta’ 59-33 u hekk kienu l-Maltin li akkwistaw il-midalja tad-deheb.  Il-plejer Malti Kurt Cassar kien magħżul wieħed mill-plejers tal-best team.  Cassar skorja aktar minn 20 punt kull logħba f’din il-kompetizzjoni u ma kienetx sorpriża li kien magħżul bħala l-MVP (most valuable player) tal-kompetizzjoni.  F’din il-kompetizzjoni Andorra spiċċaw fit-tieni post u Wales fit-tielet pożizzjoni.


Mill-banda l-oħra t-tim tat-tfajliet, taħt it-tmexxija ta’ Sandro Farruġia, kellu jikkuntenta bil-midalja tal-fidda hekk kif tilef l-aħħar logħba kontra c-champions l-Iskozja 53-44.  Malta kellhom tlett rebħiet kbar l-ewwel fuq Ġibilta 66-22, imbagħad Wales 60-38 u wara kontra Andorra 68-30.  L-aħħar logħba setgħet tmur kull naħa hekk kif iż-żewġ timijiet ma kienu rreġistraw l-ebda telfa.  Il-Padiljun ta’ Ta’ Qali kien mimli nies biex jassistu għal din il-logħba li fiha spikkat l-għejja fuq it-tfajliet Maltin u s-superjorita’ tal-Iskoċċiżi biex Malta tilfet il-logħba bi skor minimu u kellha tikkuntenta b’midalja tal-fidda.  Nicole Agius kienet magħżula parti mill-aħjar plejers tal-kompetizzjoni.  L-Iskozja rebħu l-midalja tad-deheb filwaqt li l-midalja tal-bronż intrebħet minn Andorra.


Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius attenda kemm għaċ-ċerimonja tal-ftuħ u anke għaċ-ċerimonja finali, filwaqt li sab ħin ukoll biex jattendi għal żewġ logħbiet li lagħbu t-timijiet Maltin.  Hu flimkien mal-President tal-MBA Paul Sultana ippreżentaw il-midalji u t-trofej lir-rebbieħa.  Għaċ-ċerimonja finali kienu preżenti wkoll il-viċi president tal-Kumitat Olimpiku Malti Mark Cutajar u d-Direttur fi ħdan l-istess kumitat Jonathan Vella.   


Is-Segretarju Parlamentari feraħ lill-kowċ u l-plejers għas-suċċess miksub, filwaqt li faħħar l-organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni ta’ dan il-livell mill-MBA.  Awgura li aktar assoċjazzjonijiet jieħdu l-eżempju tal-MBA u jattiraw kompetizzjonijiet ta’ dan il-livell lejn pajjiżna għaliex mhux biss ikun qed jiġi ġġenerat it-turiżmu sportiv imma l-atleti tagħna għandhom bżonn li jiltaqgħu ma’ kompetizzjoni denja biex inwessgħu l-esperjenza tat-talent Malti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow