IL-MINISTRU HELENA DALLI U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI JUSTYNE CARUANA JINDIRIZZAW SEMINAR DWAR L-IRWOL TAL-ANZJANI FIS-SETTUR TAL-VOLONTARJAT
Il-Gvern diġà nieda bosta inizjattivi b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Volontarjat biex isaħħaħ is-settur
Fil-ftuħ ta’ seminar dwar il-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-settur tal-volontarjat, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar il-kontribut importanti li għandu s-settur tal-volontarjat lejn l-ekonomija ta’ pajjiżna u lejn is-soċjetà ċivili.
Hija enfasizzat il-ħtieġa ta’ ħolqien ta’ aktar għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu mill-viċin mal-anzjani filwaqt li ħeġġet biex ikunu l-anzjani nfushom li jieħdu din l-inizjattiva. Il-Ministru Dalli qalet li “minnu nnifsu dan itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna.”
Aktar ma ngħixu aktar irridu naraw kif is-snin tal-anzjanità nimlewhom bi kwalità tajba ta’ ħajja. Dr Dalli qalet li l-anzjani għandhom ħafna esperjenza u għerf li m’għandniex naħluhom, imma għandna nużawhom għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha u tal-anzjani stess.
Il-Ministru Helen Dalli semmiet bosta inizjattivi li ttieħdu mill-Gvern b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat biex iġib ’il quddiem il-volontarjat f’pajjiżna, fost l-oħrajn b’għoti ta’ fondi għat-taħriġ biex l-għaqdiet jissaħħu kif ukoll fondi għall-proġett biex isir ċentru tal-volontarjat fil-Belt u f’imkejjen oħrajn f’Malta, filwaqt li kien sostnut il-Fond għall-Għaqdiet Volontarji.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana qalet li l-proporzjon fil-popolazzjoni ta’ nies ’il fuq mill-65 sena fil-ġejjieni se tkun qed tiżdied b’mod drammatiku. “Il-ħolqien ta’ Segretarjat Parlamentari responsabbli mit-twettiq tal-politika dwar l-Anzjanità Attiva jikkonferma l-kontinwità fl-impenn tal-Gvern li jżomm lil Malta fuq quddiem nett ta’ politika innovattiva dwar popolazzjoni li qed tixjieħ. L-idea ta’ ‘parteċipazzjoni soċjali’ hi tema rikorrenti fi stqarrijiet tal-gvern preżenti.” sostniet is-Segretarju Parlamentari.
Dr Caruana qalet li s-Segretarjat lest li jgħin lill-organizzazzjonijiet biex jiżviluppaw politiki professjonali tar-riżorsi umani biex jingaġġaw, iħarrġu u jżommu volontiera anzjani, kif ukoll jidentifikaw individwi anzjani li huma attivi, motivati u impenjati li għandhom il-potenzjal li jaġixxu ta’ mexxejja.
Tenniet tgħid li hi mhux talli ma tikkonċepix u ma tittrattax lill-persuni aktar avvanzati fl-età bħala l-benefiċjarji primarji ta’ attivitajiet ta’ volontarjat, talli tirrikonoxxi lil adulti aktar avvanzati bħala operaturi ewlenin fil-programmi tal-benefiċċji soċjali. Qalet li x-xogħol tal-volontarjat li jagħmlu persuni avvanzati fl-età huwa xogħol imprezzabbli għal pajjiżna.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en