IL-MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U TIBDIL FIL-KLIMA U S-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-IPPJANAR U SIMPLIFIKAZZJONI AMMINISTRATTIVA JINDIRIZZAW ATTIVITÀ RELATATA MAL-PROĠETT LIFE+ MIGRATE ORGANIZZATA MIL-MEPA
Dalgħodu meta kien qed jindirizza t-tnedija tal-proġett Life+ Migrate, il-Ministru Leo Brincat faħħar lill-istakeholders li kienu involuti f’dan il-proġett li se żżid il-valur tal-kontribuzzjoni ta’ pajjiżna dwar habitats u Bijodiversità.
Huwa qal li hija ħasra li l-kelma Bijodiversità waħedha mhix daqshekk mifhuma mill-pubbliku inġenerali daqs it-tibdil fil-klima jew l-ekonomija l-ħadra għalkemm tolqot lid-dinja naturali ta’ madwarna.
Il-Ministru Brincat qal li t-telf tal-bijodiversità fl-Ewropa huwa inkwetanti meta wieħed jirrealizza li ħafna drabi huwa riżultat tal-attività tal-bniedem.
Huwa fisser kif ix-xahar li għadda l-Unjoni Ewropea nediet inizzjattiva xierqa fuq il-bżonn li jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità - ‘No Net Loss’.
Il-Ministru Brincat saħaq li għandu jkun l-għan ta’ kull pajjiż li jikkunsidra jdaħħal oġġettivi tan-‘NO NET LOSS’ fil-leġiżlazzjoni futura tagħhom bħalma diġà għamlu Franza u l-Ġermanja.
L-Unjoni Ewropea tidher determinata li tara li din l-inizzjattiva xierqa ma tispiċċax fix-xejn.
Il-Ministru Brincat temm jgħid li dan jikkonfermah il-fatt li l-Unjoni Ewropea għadha kif nediet proċess ta’ konsultazzjoni li mar ‘l hinn minn gvernijiet ċentrali, billi staqsiet lil ċittadini interessati, awtoritajiet pubbliċi, negozji u NGO’s għall-fehmiet tagħhom dwar l-inizjattiva ‘NO NET LOSS’ fuq livell Ewropew.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari l-Avukat Michael Falzon beda biex jirringrazzja lill-Ministru Leo Brincat għas-sinerġija li teżisti bejn iż-żewġ naħat u awgura li din il-ħidma u koperazzjoni tibqa’ fis-seħħ għal proġetti oħrajn fil-futur. Huwa qal li dan il-proġett huwa mmirat biex jikkonserva l-Bottlenose Dolphin u l-Loggerhead Turtle, proġett li huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu fil-Gżejjer Maltin. Dan minħabba l-fatt li s’issa ftit li xejn hemm data xjentifika neċessarja biex tipproteġi u tikkonserva speċi importanti bħal dawn.
L-Avukat Michael Falzon kompla billi qal li l-impenn ta’ Malta, bħala gżira f’nofs il-Mediterran, biex tikkonserva l-biodiversità marittima, huwa ta’ importanza kbira kemm għall-generazzjoni preżenti kif ukoll dik futura. Aħna niddependu minn ambjent marittimu nadif, b’saħħtu u produttiv għal ħafna raġunijiet. Għandna bżonn nagħtu iktar valur lill-postijiet u riżervi marittimi protetti, biex b’hekk inkunu qegħdin inwaqqfu t-telfa tal-biodiversità u niżguraw użu sostenibbli ta’ riżorsi marittimi.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li dan il-proġett fuq il-fkieren u d-dniefel huwa parti mill-istrateġija tal-Gvern biex jipproteġi kemm l-ispeċi protetti kif ukoll l-abitat tagħhom, u jifforma parti minn tliet proġetti.
Huwa rringrazzja wkoll lill-istakeholders kollha preżenti u lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom fi proġetti bħal dawn li jinvolvu wkoll koperazzjoni internazzjonali.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en