Left arrow Go Back

REĠISTRAZZJONI TAS-SITI TAL-IMNASAB F’GĦAWDEX

pr141496mt
Date Icon 02/07/2014

B’referenza għall-Istqarrija għall-Istampa rigward it-tiġdid tar-reġistru tal-imnasab ippubblikata fit-30 ta’ Ġunju 2014, il-Wild Birds Regulation Unit tinnotifika li residenti Għawdxin jistgħu jmorru l-uffiċċju tal-Aġenzija tal-Pagament ix-Xewkija. Dan l-eżerċizzju qiegħed isir sabiex jiġi mġedded ir-reġistru u sabiex jiġi assigurat li l-ebda mansab ma jkun f’żona protetta jew abitat naturali.

Residenti Għawdxin li diġà għandhom liċenzja ġenerali tal-insib (Carnet de Chasse għall-Insib tal-Għasafar) jew huma interessati li japplikaw għall-liċenzja tal-insib ’il quddiem, huma mitluba jmorru l-uffiċċju tal-Aġenzija tal-Pagament ix-Xewkija minn Nhar it-Tnejn 7 ta’ Lulju sal-Erbgħa 30 ta’ Lulju matul il-ġimgħa (mit-Tnejn sal-Ġimgħa) bejn is-2:00 p.m. u is-6:00 p.m.

Dan l-eżerċizzju ta’ reġistrar qiegħed isir mingħajr preġudizzju lejn xi rekwiżiti jew obbligi legali inkluż xi regoli oħra, ħlasijiet u/jew kundizzjonijiet li jistgħu japplikaw fil-każ ta’ xi derogi tal-insib. Din ir-reġistrazzjoni mhijiex sejħa għall-applikazzjonijiet għal liċenzja tal-insib u ma tintitolax lill-persuna sabiex tmur tonsob fuq is-sit inkwestjoni u lanqas ma tintitola lill-persuna għal xi liċenzja tal-insib skont ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi. Iżda, jekk ’il quddiem il-Gvern jiddeċiedi li jibda jilqa’ applikazzjonijiet għall-liċenzji tal-insib, dawk il-persuni li kellhom is-siti reġistrati mal-Wild Birds Regulation Unit biss ikunu eliġibbli.

Għal raġunijiet ta’ reġistrazzjoni, persuni interessati għandhom jieħdu magħhom erba’ kopji tal-mappa tas-sit li fiha hemm il-mansab/mnasab li jridu jirreġistraw mal-Wild Birds Regulation Unit. Jiġu aċċettati biss dawk is-siti li speċifikament jikkonformaw mal-kriterji tal-Wild Birds Regulation Unit u li mhumiex f’żoni protetti jew abitati naturali.

Se jiġu reġistrati biss siti bi mnasab li kienu jeżistu qabel l-aħħar ta’ Diċembru 2012 u li speċifikament jaqblu mal-parametri kif speċifikati mill-Wild Birds Regulation Unit. Siti bi mnasab li kienu diġà ġew irreġistrati mal-Kummissarju tal-Pulizija jibqgħu validi biss jekk jiġu approvati mill-Wild Birds Regulation Unit bħala parti minn dan l-eżerċizzju ta’ tiġdid. Kopji ta’ dawn is-siti li kienu rreġistrati mal-Kummissarju tal-Pulizija għandhom xorta jiġu ppreżentati għal verifika mill-Wild Birds Regulation Unit bħala konferma illi is-sit kien ġie rreġistrat sal-aħħar ta’ Diċembru 2012. Kull persuna jista’ jirreġistra mhux iżjed minn erba’ mnasab fejn minn dura waħda jkun hemm sa’ massimu ta’ żewġ mnasab. Kull min huwa interessat irid iġib miegħu l-Karta tal-Identità tiegħu sabiex jirreġistra s-sit, kif ukoll mapep leġibbli f’qisien A4 jew A3. Jekk persuna ser tirreġistra ukoll xi mansab/mnasab għan-nom ta’ ħaddieħor, trid tippreżenta il-Karta tal-Identità tal-persuni l-oħra, in-numru tal-mowbajl tagħhom flimkien ma erba’ kopji ta’ kull mappa għal kull persuna li għaliha ser isir ir-reġistrazzjoni. Dawn il-mapep tas-siti iridu juru il-basemap fuq skala ta’ 1:2500 jew simili, bil-koordini X u Y jidhru, jew juru elementi speċifiċi tal-pajsaġġ (bħal ħitan tas-sejjieħ, toroq, eċċ) kif ukoll jindikaw l-isem tal-post jew il-madwar (eż. ‘Wied l-Aħmar’, ‘Ir-Ramlija’, eċċ). Siti mmarkati fuq ritratti mill-ajru ma jiġux aċċettati ħlief dawk il-mapep li ġew ipprovduti mid-Dipartiment tal-Agrikultura/Aġenzija tal-Pagamenti sal-aħħar ta’ Ġunju 2014, iżda f’dan il-każ il-koordini tas-sit iridu jkunu inklużi (mhux aċċettabbli jekk il-koordini tas-sit ma jkunux jidhru).

Il-konfini tas-sit bl-imnasab irid ikun immarkat tajjeb bl-aħmar fuq il-mapep kollha, inkluż il-kopji tagħhom. Kull mansab irid ukoll ikun immarkat bl-aħmar fuq kull kopja. L-applikant jista’ jimmarka u jirreġistra sa’ erba’ mnasab biss, kif ġej: jew (a) erba’ mnasab f’sit wieħed fuq mappa waħda (sa massimu ta’ żewġ mnasab minn dura waħda u żewġ mnasab oħra minn dura oħra fl-istess sit) – (ara Eżempju A); jew (b) żewġ siti fuq mappa waħda fejn f’kull sit ikun hemm immarkat sa massimu ta’ żewġ mnasab minn dura waħda – (ara Eżempju B); jew (ċ) żewġ mapep separati fejn f’kull sit ikun hemm immarkat sa massimu ta’ żewġ mnasab minn dura waħda (ara Eżempju Ċ). Ma jiġi reġistrat l-ebda mansab fil-konfini ta’ Santwarji tal-Għasafar jew Bajjiet Protetti. Jekk is-sit ikun fil-konfini ta’ żoni protetti oħra, jiġi reġistrat biss jekk ikun ikkonfermat li l-mansab kien jeżisti qabel l-aħħar ta’ Diċembru 2012 (il-mansab irid jidher fuq ir-ritratti mill-ajru datati qabel tmiem l-2012 , jew reġistrat mal-Kummissarju tal-Pulizija sal-aħħar ta’ Diċembru 2012) kif ukoll, qabel l-ewwel ta’ Lulju 2014, l-għalqa kienet ġiet reġistrata bħala eliġibbli mad-Dipartiment tal-Agrikultura/Aġenzija tal-Pagamenti.  

Tista’ ċċempel l-uffiċċju tal-Wild Birds Regulation Unit fuq 23886214/215 mid-9:00 a.m. san-12:30 p.m. minn nhar it-Tnejn 7 ta’ Lulju sal-Erbgħa 30 ta’ Lulju, tista’ ċċempel ukoll l-Aġenzija tal-Pagamenti fuq in-numri tat-telefon 22156974/5 bejn is-2:00pm u l-5:00pm.

map mt.jpg

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

More Press Releases Right arrow