WASAL IŻ-ŻMIEN BIEX INĦEJJU OUTLINE PLAN NAZZJONALI GĦALL-AFFORESTAZZJONI TA' GŻIRITNA
Diskors mill-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat waqt attività favur l-ambjent u t-tħaddir tal-madwar organizzata mill-AFM b’kollaborazzjoni mal-BOV
Għalkemm l-Armata hija s-soltu assoċjata biss mad-difiża u s-sigurtà ta’ gżiritna, huwa ta’ sodisfazzjon kbir li ninsabu miġburin hawnhekk illum biex nuru l-apprezzament tagħna għall-impenn tagħha f’settur għal kollox differenti.
Dak tal-ħarsien tal-ambjent u t-tħaddir tal-madwar f’pajjiżna.
Qegħdin f’sit li kemm-il darba serva bħala żona edukattiva għal ħafna minn uliedna.
Nemmen b’konvinzjoni li l-leadership u t-team spirit tal-Armata għandu jagħmilha aktar faċli biex ikomplu jagħtu sehem dejjem akbar fit-tixrid tal-hekk imsejħa ‘kultura ħadra favur l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli’ f’pajjiżna.
Dan aktar u aktar għaliex kif jixhed anki s-sehem pożittiv tal-Bank of Valletta li qegħdin nikkollaboraw flimkien miegħu għal din l-okkażjoni tal-lum, nemmnu li l-ambjent ma jistax jimxi `l quddiem waħdu.
L-ambjent jissaħħah biss meta miegħu jkun hemm rabta edukattiva qawwija u anki waħda ta’ kommunikazzjoni effettiva.
Min-naħa tagħna bħala Gvern, flimkien mal-inizjattivi li għandna għaddejjin bħalissa biex flimkien mal-Kunsilli Lokali nħaddru l-kommunitajiet, li nsaħħu l-operat tal-Parks Directorate u li ninkoraġixxu aktar tree planting mill-eNGOs u għadd ta’ għaqdiet volontarji oħrajn, nemmnu li wasal iż-żmien biex inħejju outline plan nazzjonali għall-afforestazzjoni ta’ gżiritna, li jħares lejn l-istrutturi eżistenti filwaqt li jfittex li jisfrutta bl-aħjar mod il-potenzjal tal-ispazji miftuħa li għandna, taż-żoni rikreattivi u anki ta’ oqsma bħat-turiżmu sostenibbli fost oħrajn.
U dan id f’id mat-tgawdija tal-benefiċċji soċjo-ekonomiċi tal-immaniġġjar sostenibbli tal-afforestazzjoni f’pajjiżna.
Ħajr mill-ġdid lill-Armata għall-impenn ambjentali tagħhom, lill-Bank of Valletta għas-sostenn kontinwu tagħhom għall-inizjattivi favur l-ambjent, kif ukoll lil dawk kollha li għamluha possibbli biex sit diġà miżmum tajjeb ħafna issa ser jissebbaħ aktar permezz ta’ dawn il-500 siġra li sejrin jinżergħu llum.
Dan huwa eżempju ħaj ta’ ġest simboliku u azzjoni prattika u pożittiva fl-istess ħin.
Biex b’hekk ikun hemm ambjent aħjar kemm għal dawk li jżuru dan is sit, kif ukoll għall-ġid ta’ dawk li jaħdmu fih fuq bażi regolari.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041