Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U L-MINISTERU GĦALL-GĦAWDEX

pr141486
Date Icon 01/07/2014

Formalment inawgurat Fergħa Reġjonali tal-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali ġewwa Għawdex

Il-Ministru għall-Finanzi Prof. Edward Scicluna flimkien mal-Ministru għall-Għawdex Dr Anton Refalo uffiċjalment inawguraw l-uffiċċju tal-NSO ġewwa Għawdex it-Tlieta 1 ta’ Lulju, 2014.

Preżenti għall-inawgurazzjoni tal-uffiċċju kienu wkoll iċ-chairman tal-Awtorità tal-Istatistika Nazzjonali Prof. Albert Leone Ganado, id-Direttur Ġenerali tal-NSO s-Sur Michael Pace Ross, kif ukoll l-Isqof ta’ Għawdex Mgr Mario Grech. L-uffiċċju f’Għawdex qed jinfetaħ 67 sena wara li ġie stabilit l-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali ta’ Malta.

F’indirizz qasir fl-inagwurazzjoni, il-Ministru t’Għawdex Anton Refalo qal li bil-ftuħ ta’ dan l-uffiċċju qed titwettaq  wegħda elettorali oħra għall-gżira Għawdxija, u ddeskriva dan bħala pass ieħor ‘il quddiem biex inkomplu nifhmu x’inhuma l-bżonnijet tal-gżira Għawdxija.

“Għawdex,” tenna l-Ministru Refalo, “għandu bżonnijiet speċjali minħabba l-insularità doppja. Jeħtieġ li  jkunu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ din il-gżira biex  ikunu jistgħu jiġu mfassla policies li verament jagħtu l-added value lil Għawdex.”

Il-Ministru Refalo kompla jgħid li permezz ta’ dan l-uffiċċju, ser tkun qed tinġabar informazzjoni dwar in-negozju f’Għawdex, dwar l-ekonomija u dwar il-politika soċjali. Statistika importanti li ser tgħin fl-iżvilupp sħiħ t’ Għawdex. “Dan huwa l-mod,” qal il-Ministru Refalo, “ta’ kif irridu naħdmu bis-serjetà biex verament inkunu qegħdin noħolqu politika ekonomika u soċjali li tilqa’ l-aspirazzjonijiet varji tal-gżira.”

Il-Ministru Refalo qal ukoll li jemmen li ser naslu ‘l quddiem biex naraw li ż-żgħażagħ jkollhom l-futur li jixirqilhom, il-ħaddiema u l-famiji tagħhom ikomplu jinvestu fil-gżira, l-anzjani jaraw titjib fil-kundizzjonijiet soċjali u li tiżdied l-attività ekonomika u kulturali ġewwa Għawdex.

Fl-indirizz tiegħu, l-Ministru għall-Finanzi l-Prof. Scicluna spjega li l-iżvilupp ekonomiku ta’ Għawdex hi kwistjoni ta’ prijorità għal dan il-Gvern, li hu kommess li Għawdex ikompli javvanza sabiex jikber l-investiment, jinħoloq ix-xogħol, u allura l-ġid f’Għawdex ikompli jitkattar.

Għal din ir-raġuni, il-Gvern jeħtieġ istatistika kemm ta’ dimensjoni settorali, kif ukoll ta’ dimensjoni aktar dettaljata, li tkun korretta u aġġornata.

Għalhekk, ittieħdet deċiżjoni mill-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta, bl-appoġġ sħiħ tal-Ministeru għall-Finanzi, kif ukoll tal-Ministeru għall-Għawdex, sabiex jinfetaħ Uffiċċju Reġjonali tal-Istatistika Nazzjonali, l-ewwel uffiċċju reġjonali li twaqqaf s’issa mill-NSO.

L-uffiċċju se jkun ukoll responsabbli sabiex jibni arkivju ta’ informazzjoni dwar d-demografika ta’ Għawdex, kif ukoll informazzjoni dwar il-qasam tax-xogħol, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, il-qasam tal-intrapriża, l-agrikolutura u s-sajd, u s-sorsi tal-enerġija. Abbażi tas-suċċess li se jinkiseb minn dan l-uffuċċju reġjonali, l-intenzjoni tal-Gvern hi li jkompli jespandi l-uffiċċju sabiex ikompli jissaħħaħ u jiġbor aktar informazzjoni essenzjali.

Din l-istatistika, innota l-Prof. Scicluna, hi partikolarment importanti fil-kuntest tal-Fondi Ewropej, għaliex sabiex il-Gvern ikun jista jiġġustifika li Għawdex jingħata attenzjoni importanti u fondi addizzjonali mill-Unjoni Ewropea, hemm bżonn li jkun hemm għarfien dettaljata tal-kuntest Għawdxi, u l-bżonnijiet speċjali ta’ dan ir-reġjun.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

Aktar Stqarrijiet Right arrow