MALTA TĦEJJI POLITIKA NAZZJONALI DWAR IL-MARITTIMU
"Malta bħalissa qed tħejji bis-sħiħ biex ikollha Politika Nazzjonali dwar il-Marittimu. Ġaladarba varata, din il-politika ser tkun waħda komprensiva li tgħaqqad magħha diversi aspetti relatati mal-marittimu. Il-politika nazzjonali dwar il-marittimu hija parti mill-programm tal-Gvern u qed isir biex pajjiżna jkompli jimmasimizza l-potenzjal tiegħu f’dan il-qasam”. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari José Herrera meta kien qed jindirizza laqgħa fi Brussel organizzata mill-Kummissarju ghall-Affarijiet Marittimi Maria Damanki u l-‘Global Ocean Commission’. It-tema ta’ din il-laqgħa kienet “Nirriġeneraw l-Oċeani Tagħna”.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Marittimu José Herrera qal li għalkemm il-baħar Mediterran mhux oċean huwa wieħed mill-aktar ibħra importanti għaliex jipprovdi l-għixien għal madwar 220 miljun persuna. Dan il-baħar huwa wieħed mill-aktar ibħra mfittxija fid-dinja mil-linji tal-vapuri minn fejn jgħaddi terz tal-merkanzija. Dr Herrera sostna li dan il-baħar qed jispiċċa vittma t’għadd ta’ realtajiet bħal sajd żejjed. Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li “Għalhekk hemm ħafna xi jsir. L-instabilità politika fir-reġjun qed twaqqaf ċertu progress. Malta min-naħa tagħna, għax nemmnu fil-potenzjal tal-baħar ta’ madwarna, qed nippreparaw politika integrali li tirrifletti l-politika Ewropea f’dan is-suġġett”.
Ir-rapport ippreżentat lill-membri preżenti għal din il-laqgħa fi Brussel jidentifika tmien proposti li qed isibu l-appoġġ tal-Kummissjoni, bħall-proposti marbuta ma’ sostenibilità u l-ġlieda kontra s-sajd illegali.
Il-preżenza ta’ Dr Herrera f’din il-laqgħa hija parti mill-isforz li qed jagħmel il-Gvern fil-fora internazzjonali marbuta mal-marittimu biex sal-aħħar tas-sena jkollna pjan komprensiv dwar il-politika marittima.
Other Press Releases:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041