ALLOKATI FONDI EWROPEJ GĦAL STUDJU DWAR IL-POSSIBBILTÀ TA’ FIBRE OPTIC CABLE BEJN MALTA U GĦAWDEX
Il-Gvern Malti alloka flus mill-Fondi Ewropej lil Malta Enterprise biex jibda l-istudju tal-fattibiltà dwar il-possibbiltà ta’ fibre optic cable bejn Malta u Għawdex. Studju li jiswa ’il fuq minn kwart ta’ miljun ewro li permezz tiegħu se nkunu qed naraw it-tajjeb u l-ħażin li ż-żewġ gżejjer ikunu magħquda bil-fiber optic. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal dan waqt it-tielet laqgħa tal-kabinett barra minn Kastilja li saret fl-iskola Sekondarja fir-Rabat, Għawdex. Jekk dan il-cable isir se jwassal biex aktar kumpaniji jiftħu f’Għawdex. Dan hu żvilupp li ilu biex isir u bdejna bl-ewwel pass.
Il-Prim Ministru tkellem dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu diġà f’oqsma oħra fosthom il-qasam tal-edukazzjoni minn dan il-gvern fosthom dik ta’ kampus wieħed tal-MCAST kif ukoll fil-qasam tal-ITS li għal bidu ma tantx kienu poplari. Fl-aħħar l-iskola tal-ITS bdiet tintuża u ma tkunx biss vetrina li ma tintużax billi jsir ix-xogħol u jitilgħu anki Maltin jitħarrġu hawnhekk. Tkellem ukoll dwar il-qasam tat-turiżmu f’Għawdex fejn qed li l-gvern qed jiffoka fuq żewġ niċeċ partikolari dik tal-agrituriżmu u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dwar il-qasam tal-agrituriżmu f’Għawdex il-Prim Ministru qal li dalwaqt se titnieda l-policy dwar l-agrituriżmu mill-MEPA. Ladarba hawn dan il-potenzjal mingħajr ma jkun hawn bini żejjed nkunu nistgħu nirregolaw dan is-settur.
Il-Gvern se jkun qed jaħdem ukoll sabiex jiġi użat aħjar l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex permezz ta’private public partnership li jattiraw turimżmu mediku. Waħda mill-possibiltà hija li tinfetaħ skola medika f’Għawdex li tkun abbinata ma’ isem prestiġġjuż ħafna fuq livell Ewropew u mondjali. Il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru tas-Saħħa u l-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi qed jaħdmu flimkien biex naraw x’benefiċċju nistgħu nagħtu lil min lest jinvesti f’Għawdex.
Il-Prim Ministru qal li Għawdex hija prijorità assoluta għal dan il-gvern. L-ewwel prijorità hija l-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex għall-Għawdxin. Huma semma l-proġetti tal-yacht marina u l-cruise liner terminal f’Għawdex.
Dawn il-laqgħat tal-kabinett barra minn Kastilja kien esperiment li qed iħalli l-frott biex ikun hemm komunikazzjoni diretta mal-istakeholders. B’dawn il-laqgħa naraw x’inhuma l-bżonnijiet ta’ Għawdex u naraw fejn nistgħu nallokaw flus fil-budget.
Iċ-Chairman tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex fi ħdan l-MCESD is-Sur Michael Grech ta preżentazzjoni tal-ħidma tal-kumitat reġjonali u qal li l-ħidma tal-gvern f’Għawdex qed tibgħat sinjal ta’ kif il-gvern qed iħares lejn Għawdex. Huwa qal li l-kumitat reġjonali jgħaqqad is-soċjetà ċivili f’Għawdex. Huwa faħħar l-inizjattivi li qed jieħu l-gvern f’Għawdex fosthom l-investiment fiċ-Ċittadella, l-yacht marina, l-iskola medika u l-investiment tal-RS2 Software f’Għawdex.
Michael Grech semma l-isfidi ta’ Għawdex fosthom il-brain drain li rridu naraw kif nistgħu nreġġgħu n-nies it-tajbin lura f’Għawdex permezz tal-investiment. Huwa semma l-kwalità tal-ħajja tar-resident f’Għawdex u l-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
Is-Sur Michael Grech qal li Għawdex huwa distint fid-diffikultajiet u l-opportunitajiet li joffri u rridu niffukaw fuq il-kwalità aktar mill-kwantità. Huwa qal li rridu nkunu ffukati f’niċeċ u l-policies tal-gvern iridu jkunu jirrifletti dak li qed jiġri. Huwa qal li għandu jkun hemm iktar inċentivi għal min jinvesti f’Għawdex. Michael Grech qal li rridu noħolqu brand għal prodott turistiku kif ukoll għall-prodotti Għawdxin. Għawdex għandu jkollu speċjalizzazzjoni fosthom kampus fil-qasam marittimu kif ukoll sptar speċjalizzat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262041en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...
PR262041