Left arrow Go Back

L-ANQAS RATA TA' QGĦAD MILL-2000 'L HAWN: MALTA T-TIELET L-AQWA FL-EWROPA

pr141480
Date Icon 01/07/2014

Statistika uffiċjali dwar il-qgħad ippubblikata mill-Eurostat illum (http://goo.gl/1jmKdn)  tindika li r-rata tal-qgħad f'Malta għax-xahar ta' Mejju kienet ta' 5.7%. Din hija t-tielet l-anqas rata tal-qgħad irreġistrata fl-Unjoni Ewropea. Anqas minn Malta, hemm biss l-Awstrija u l-Germanja. Pajjiżna għandu rata tal-qgħad li hija anqas min-nofs ta' dik irreġistrata fiż-żona Ewro.

Ir-riżultat miksub minn pajjiżna f'Mejju jimmarka l-anqas rata ta' qgħad li ġiet irreġistrata f'Malta mindu l-Eurostat bdiet tiġbor l-istatistika tagħha fuq pajjiżna f'Jannar tas-sena 2000. L-anqas li qatt kienet niżlet qabel ir-rata tal-qgħad f'Malta kien ir-riżultat ta' 5.9% f'Marzu tal-2008. Min-naħa l-oħra l-ogħla rata kienet ta' 8% f'Ottubru tal-2003.

Din hija xhieda tal-għaqal li biha qed imexxi dan il-Gvern fil-qasam tax-xogħol permezz ta’ pjan konkret u mmirat lejn tkabbir ekonomiku li joħloq ix-xogħol.

Il-medja tar-rata tal-qgħad f'Malta mill-bidu tas-sena 2000 sal-bidu ta' din l-amministrazzjoni kienet ta' 6.9%. F'Marzu 2013 ir-rata tal-qgħad, kienet ta' 6.3%. L-istatistika tal-Eurostat tindika li sa Ottubru 2013 ir-rata tal-qgħad kienet żdiedet għal 6.6%. Wara dan, kien hemm bidla ċara fl-andament tas-suq tax-xogħol f'Malta, tant li sa Mejju 2014, kien hemm tnaqqis ta' 0.9 punti perċentwali, biex ir-rata tal-qgħad waqgħet għal rekord storiku ta' 5.7%.

Dan it-tnaqqis kien id-doppju ta' dak irreġistrat fil-bqija tal-Unjoni Ewropea. B'tali mod li l-pożizzjoni ta' pajjiżna fil-klassifika tal-pajjiżi bl-anqas rata tal-qgħad tjiebet konsiderevolment. Mentri f'Marzu 2013 pajjiżna kellu l-ħames l-anqas rata ta' qgħad fl-Unjoni Ewropea, f'Mejju sirna t-tielet l-aqwa, għax ir-rata tal-qgħad f'pajjiżna naqset taħt dik li hemm fil-Lussemburgu u fl-Olanda.

Il-figuri tal-Eurostat jindikaw li r-rata tal-qgħad ilha nieżla minn Ottubru 2013 u issa laħqet minimi storiċi, kuntrarju għal propaganda li saret fl-aħħar xhur. Dan huwa riżultat taż-żieda ferm qawwija fin-numru ta' impjiegi f'pajjiżna. L-aħħar rapport ekonomiku tal-Kummisjoni Ewropea nnota li matul l-2013 pajjiżna kellu l-aqwa rata ta' żieda fl-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, 3.1%, u kien bassar li fl-2014 kien se jkollu t-tieni l-aqwa rata, 2.1%.

Mhux talli qed taqa’ r-rata tal-qgħad, imma talli anke in-numru ta' nies qiegħda beda jonqos. Filfatt statistika tal-Korporazzjoni ghax-Xogħol u Taħriġ tindika li n-numru ta' nies fuq ir-reġistru tal-qgħad f'Mejju naqas ghal 7,141. Dan meta sa Jannar l-ammont ta' nies fuq ir-reġistru kien ta' 7,789. F'erbgħa xhur kellna tnaqqis ta' kwazi 650 persuna jirreġistraw, jew tnaqqis ta' aktar minn 5 kull jum.

Dawn ir-riżultati, li huma frott il-politika ekonomika pożittiva mħaddna minn din l-amministrazzjoni, mistennija jkomplu jitjiebu. It-tbassir tal-Kummisjoni Ewropea jindika li fis-sentejn li ġejjin pajjizna ser ikompli jkollu rata ta' tkabbir ekonomiku aqwa mill-medja ta' dawn l-aħħar għaxar snin. Dan mistenni jwassal għal tkabbir qawwi fl-impjiegi u tnaqqis ieħor fir-rata tal-qgħad ta' pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER   Malta tesplora l-potenzjal tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni internazzjonali u l-kooperazzjoni diġitali wara laqgħa fil-Parlament

PR262041

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER Malta tesplora l-potenzjal tagħha fi...

More Press Releases Right arrow